STQARRIJA GĦALL-ISTAMPA – IMNIEDI L- KORP TA’ GOVERNANZA TA’ ‘DIGITAL MALTA’
José Herrera, Segretarju Parlamentari għall-Kompettività u t-Tkabbir Ekonomiku, ħabbar it-twaqqif tal-Korp ta’ Governanza ta’ ‘Digital Malta’ – l-istrateġija nazzjonali tat-Teknoloġija tal-Informatika u l-Komunikazzjoni (ICT) li tkopri l-perjodu bejn l-2014 u l-2020. Dan il-Korp ta’ Governanza se jkollu l-iskop ewlieni li jagħti direzzjoni, jissorvelja l-implimentazzjoni, jiżgura li jkun hemm impenn u kollaborazzjoni bejn il-partijiet interessati u jippromovi l-istrateġija.
L-istrateġija ‘Digital Malta’ kienet imnedija fl-24 ta’ Marzu 2014 mill-Prim Ministru. Il-viżjoni ta’ ‘Digital Malta’ hi li, sal-2020, “nirnexxu bħala nazzjon diġitali permezz tal-użu tat-teknoloġija fis-setturi kollha tas-soċjetà.” L-istrateġija, li tfasslet mill-MITA u mill-MCA, b’konsultazzjoni miftuħa ma’ organizzazzjonijiet minn setturi diversi, għandha għanijiet li jirrikjedu impenn kbir minn partijiet differenti. L-istrateġija tidentifika tlett temi ċentrali – ‘Ċittadin Diġitali’, ‘Intrapriża Diġitali’ u ‘Gvern Diġitali’. Dawn jinbnew fuq tliet pedamenti - ’Regolamenti u Leġislazzjoni’, ‘Infrastruttura’ u ‘Ħiliet u Riżorżi Umani’.
Il-Korp ta’ Governanza se jkun qed jiżgura li jkun hemm l-impenn, l-involviment u l-kollaborazzjoni meħtieġa tal-partijiet interessati, se joffri l-għajnuna dovuta lill-partijiet interessati biex jifhmu u jimplimentaw l-istrateġija, se japprova l-programm annwali ta’ inizjattivi tal-ICT fi ħdan is-settur pubbliku, u jipprovdi direzzjoni f’investiment maġġuri fil-qasam tal-ICT. Se jkun anki qiegħed jiżviluppa qafas u għodda li jkejlu l-benefiċċji miksuba minn proġetti diġitali. Ir-riżultati se jkunu aċċessibli għal kullħadd.
Is-Sur Godfrey Vella, Digital Champion Malti kien maħtur bħala ċ-Chairperson tal-Korp ta’ Governanza ta’ ‘Digital Malta’. Il-viċi Chairperson huwa s-Sur Emanuel Darmanin mill-MITA. Il-membri l-oħra huma s-Sur Anthony Vassallo, li jirrappreżenta l-Malta Enterprise, is-Sur Steve Agius, mill-MCA, Is-Sur Marcel Mizzi li jirrappreżenta l-GRTU, Dr Angelo Dalli mill-Kamra tal-Kummerċ, is-Sur Martin Spiteri li jirrappreżenta l-Ministeru tal-Finanzi, Dr Veronique Dalli li tirrappreżenta ċ-ċittadin u s-Sur Adrian P. Sciberras, mis-Segretarjat Parlamentari għall-Kompettività u t-Tkabbir Ekonomiku.
Is-Segretarju Parlamentari José Herrera qal li, “il-Korp ta’ Governanza se jassigura koerenza fl-implimentazzjoni tal-istrateġija mill-imsieħba kollha. Għaldaqstant, kontra ta’ dak li kien isir qabel, se nassiguraw li l-inizjattivi se jkunu verament implimentati u li l-miri se jkunu milħuqa.”
“Malta se tibqa’ impenjata sabiex jintlaħqu b’suċċess l-inizjattivi tal-ICT u b’hekk jintlaħqu l-oġġettivi tal-istrateġija ‘Digital Malta’,” ikkonkluda s-Segretarju Parlamentari.
Is-Sur Vella, Chairperson tal-Korp ta’ Governanza saħaq li, “il-Korp għandu responsabbilità lejn iċ-ċittadin. Aħna se nigwidaw lill-imsieħba kollha – dawk governattivi, dawk mis-settur privat, organizzazzjonijiet u individwi, sabiex bl-almu tagħhom tkun implimentata b’suċċess l-istrateġija u jintlaħqu l-benefiċċji tal-azzjonijiet. Din hija strateġija nazzjonali u kull wieħed u waħda minna għandu/ha rwol importanti.”
Għal aktar informazzjoni dwar l-istrateġija ‘Digital Malta’, żur: digitalmalta.gov.mt jew segwi l-paġna tal-Facebook: www.facebook.com/digitalmalta.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046