JUM DINJI GĦALL-PATRIMONJU AWDJOVIŻIV, 27 TA’ OTTUBRU. L-ARKIVJI NAZZJONALI JNIEDI PROĠETT TA’ DIĠITIŻAZZJONI TA’ KOLLEZZJONI TA’ GĦANA
Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għall-Patrimonju Awdjoviżiv, l-Arkivji Nazzjonali ta’ Malta u l-Ħbieb tal-Arkivji Nazzjonali nedew proġett ta’ diġitiżazzjoni tal-Kollezzjoni Leli Muscat.
Il-Kollezzjoni Leli Muscat hija kollezzjoni ta’ madwar 400 siegħa ta’ għana li Leli Muscat kien irrekordja fuq medda ta’ 20 sena, mis-snin sittin ’il quddiem, madwar Malta. Wieħed mill-valuri ewlenin ta’ din il-kollezzjoni ta’ mitejn reel, huwa l-fatt li r-recording sar direttament ġewwa numru ta’ ħwienet tax-xorb, każini u waqt attivitajiet ta’ għana. Barra minn hekk, din il-kollezzjoni tinkludi l-għana ta’ għexieren ta’ għannejja, minbarra numru ta’ daqqaqa.
L-ewwel fażi tal-proċess huwa t-trasferiment tar-recordings minn format analog għall-format diġitali. Wara dan il-proċess delikat u li jieħu l-ħin, kull track tiġi separata għaliha. B’hekk ir-recording ikun salvat mill-perikli li huma marbuta mad-deterjorazzjoni tar-reels li bħalissa jinsab fuqhom. Imbagħad ikun jista’ jinbeda l-programm ta’ restawr. Fl-istess ħin isir il-katalogar tal-kollezzjoni sabiex eventwalment din il-kollezzjoni tkun miftuħa kemm għar-riċerkaturi kif ukoll għall-pubbliku.
Is-Sur Charles Farrugia, l-Arkivista Nazzjonali, irringrazzja lill-Ħbieb tal-Arkivji Nazzjonali għall-għajnuna li taw sabiex tkun akwistata u konservata il-Kollezzjoni Leli Muscat. Huwa rringrazzja wkoll lis-Sur Steve Borg li kien strumentali biex instabet il-Kollezzjoni. “Il-proġett li qed nibdew illum huwa pass ieħor fil-missjoni tal-Arkivji Nazzjonali li nippreservaw u nagħmlu aċċessibbli l-memorja nazzjonali,” temm jgħid is-Sur Farrugia.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046
Zeppi.mp3