L-EWWEL DIPLOMA COURSE FL-ISTUDJI TAL-KUNSILLI LOKALI
Dalgħodu ġie miedi għall-ewwel darba Diploma Course fl-istudji tal-Gvern Lokali, diploma li hija mmirata għas-Segretarji Eżekuttivi. Dan il-kors ġie miedi fi Smart City mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Gvern Lokali Dr Stefan Buontempo u s-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Presidenza UE tal-2017 u Fondi Ewropej Dr Ian Borg.
Dan id-diploma kors li huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu ġie akkreditat wkoll mill-Istitut tal-Akkreditazzjoni Ewropew bħala EMQF Level 5.
Dr Stefan Buontempo sostna li bħala parti mill-għoxrin sena anniversarju mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali, ridna nagħtu investiment dirett fl-operat tal-Governanza lokali, sabiex b’hekk nagħmlu mill-Kunsilli Lokali istituzzjonijiet ferm aktar effiċjenti u aktar viċin in-nies.
Dr Buontempo sostna li kien għalhekk li llum qed inniedu l-ewwel parti tal-proġett, proġett li ser itul diversi snin u li ser iwassal sabiex jidħol sens ta’ accountability u good governance akbar fuq livell lokali. Saħaq li dan id-diploma kors ser ikun qed iħares ukoll sabiex jagħti stampa ferm aktar ċara tal-liġijiet li jirregolaw il-qasam tal-gvern lokali, liġijiet li l-osservanza tagħhom hija essenzjali sabiex il-kunsilli lokali jitmexxew bl-aktar mod trasparenti.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali qal li dan kollu huwa parti mill-mod ta’ kif is-Segretarjat qed jirrispondi għall-ħtiġijiet ġodda li qed jaffaċċja l-qasam tal-Gvern lokali. Qal li huwa inutli li noqogħdu niċċelebraw anniversarji mingħajr ma nħarsu kif nagħmlu mill-Kunsilli Lokali istituzzjonijiet aktar sostenibbli u fuq kollox aktar viċin in-nies.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Dr Ian Borg saħaq li b’dan l-investiment ta’ madwar €223,431 mill-Fond Soċjali Ewropew, madwar 84 persuni ser jibbenefikaw minn taħriġ speċjalizzat fuq l-immaniġġjar pubbliku kif ukoll dak governattiv. Żied billi spjega kif dan il-proġett ser ikun qed iżid l-effiċjenza fis-setturi tal-public procurement, l-efficjenza fis-sodisfazzjon tal-klijenti għall-ħtiġijiet tal-komunità kif ukoll b’mod partikolari l-immaniġġjar tal-fondi pubbliċi.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046