IL-MINISTRU GĦAL GĦAWDEX ANTON REFALO ŻAR ‘SME WEEK 2014’ F’GĦAWDEX
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo żar SME Week 2014 li ġiet organizzata fir-Rabat Għawdex. Din hija s-sitt sena konsekuttiva li fiha l-Kummissjoni Ewropea qegħda torganizza l-SME Week, ġimgħa ddedikata għall-intrapriżi żgħar u medji. Din is-sena, il-Ġimgħa tal-Intrapriżi Żgħar u Medji qegħda sseħħ bejn is-17 u t-28 t’Ottubru 2014.
Permezz tal-SME Week 2014 qiegħed jingħata tagħrif dwar x’qegħdin joffru l-Istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Istituzzjonijiet Nazzjonali biex jgħinu lill-intrapriżi mikro, żgħar u medji.
Il-Ministru Anton Refalo ltaqa’ mal-esibituri preżenti, filwaqt li ħeġġeġ biex dawk interessati, jagħmlu użu mill-informazzjoni provduta biex aktar industriji mikro, żgħar u medji jiġu inkoraġġiti jinvestu u jkunu aktar kreattivi u kompetittivi.
Il-Gvern preżenti ta kontribut konkret f’dan ir-rigward, u dan għamlu skont il-programm tal-Gvern stess. Huwa nieda skema li tkopri mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Dicembru 2020. Permezz ta’ din l-iskema negozji żgħar jistgħu jibbenefikaw minn tax credit sa 40% tal-ispiża eliġibbli. Negozji f’Għawdex għandhom tax credit ta’ 60%. Il-massimu huwa ta’ €25,000 għal kull intrapriża.
L-Unjoni Ewropea tinkoraġġixxi wkoll lill-Istati Membri tagħha sabiex jorganizzaw attivitajiet li jiffukaw fuq l-intraprenditorija u fl-istess ħin iqanqlu interess mill-pubbliku inġenerali, speċjalment fost dawk il-persuni li jkunu jixtiequ jibdew negozju, jew li diġà qegħdin fin-negozju u jixtiequ jkabbru jew jespandu n-negozju tagħhom.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046