IT-TEKNOLOĠIJA TINTUŻA BIEX TKABBAR IL-KUXJENZA DWAR L-AMBJENT FIL-PARK TAL-MAJJISTRAL
Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima Leo Brincat u s-Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u t-Tkabbir Ekonomiku José Herrera waqt l-inawgurazzjoni tal-Majjistral Mobile App
“Illum ninsabu fil-Park tal-Majjistral sabiex nuru kif it-teknoloġija qed u se tintuża biex tkabbar il-kuxjenza dwar l-ambjent f’dan l-istess park.”
Dan qalu l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima Leo Brincat, waqt l-inawgurazzjoni tal-Majjistral Mobile App fiċ-Ċentru tal-Viżitaturi tal-Park tal-Majjistral.
Huwa qal li din l-App se sservi ta' gwida għal dawk kollha li jżuru dan il-Park, sew Maltin u anki turisti. Din l-App issa hija waħda mill-assi diġitali li se tagħti aktar valur lill-Park innifsu kif ukoll hija l-ewwel App tax-xorta tagħha f'Malta li toffri taħriġ u edukazzjoni dwar ir-rikezza tal-fawna, il-flora, l-istorja u l-abitat naturali Malti.
Il-Ministru qal li filwaqt li f'April li għadda ġie inawgurat iċ-Ċentru tal-Viżitaturi, illum qed titwettaq wegħda li kienet saret dakinhar - it-tnedija ta' proġett edukattiv flimkien mal-MITA bl-isem ta' Build An App Challenge, fejn b'riżultat ta' kompetizzjoni miftuħa għall-istudenti kollha setgħu jew waħedhom jew permezz ta' tim ta' mhux aktar minn tliet persuni, joħolqu kunċett tal-mobile application li jkun jista’ jintuża f'mod edukattiv u informattiv fil-Park innifsu.
Huwa tenna li minbarra li toffri esperjenza fiżika u virtwali għall-viżitaturi ta' dan il-Park - li mix-Xagħra l-Ħamra kien inbidel f'Park tan-Natura u tal-Istorja - din l-App tippremja l-ħiliet tekniċi u l-kreattività ta' kull min ħa sehem f'din l-inizjattiva.
Il-Ministru saħaq li l-prosit tiegħu tmur l-aktar lill-istudenti għall-Mobile App li rnexxielhom jiżviluppaw għal dan il-Park. L-informatika ilha li sabet postha fis-soċjetà Maltija, iżda huwa jaħseb li l-aktar aspetti interessanti ta' dan il-proġett huwa l-mod kif irnexxielha tgħin f'diversi oqsma tal-ħajja. Oqsma ta' kuljum li jmorru lill hinn mill-kunċett tradizzjonali tal-informatika kif jafuha dawk li mhumiex midħla tagħha.
Il-Ministru Brincat radd ħajr lill-MITA, li mingħajr il-kollaborazzjoni tagħhom dan il-proġett ma kienx jseħħ, filwaqt li rringrazzja wkoll kemm lill-Bord ta' Sorvelja tal-Operat tal-Park kif ukoll lill-Federazzjoni li hija responsabbli għat-tmexxija ta' kuljum tal-Park flimkien ma’ għadd kbir ta' voluntiera oħrajn.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Kompetittività u t-Tkabbir Ekonomiku José Herrera qal li permezz ta’ inizjattivi bħal dawn il-Gvern qed jgħin u joffri opportunitajiet lill-istudenti, żgħażagħ u kumpaniji żgħar tas-software u startups jirnexxu u jkollhom suċċess biex b’hekk jikkontribwixxu fit-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp soċjali tal-pajjiż.
Huwa qal li dan is-Sajf il-MITA ħadmet qatigħ biex tgħin lill-istudenti jieħdu esperjenza li imbagħad jużawha ġaladarba jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Fakkar li l-iStudent Placement Programme li nediet il-MITA dan is-sajf għall-istudenti tal-ICT kien l-aktar wieħed segwit minn total ta’ aktar minn 300 student li kellhom l-opportunità jaħdmu f’ambjent relatat mal-istudji tagħhom.
Qal li għall-ewwel darba l-MITA organizzat l-iSTEM Club bħala proġett pilota f’ħames skejjel tas-sajf u l-istess aġenzija ħadmet f’40 skola tal-Gvern biex itejjeb l-infrastruttura teknoloġika.
“Bħala s-Segretarju Parlamentari responsabbli minn din l-aġenzija jiena kburi mix-xogħol li qed tagħmel il-MITA għaliex kulma jmur qed dejjem tinfetaħ għall-ideat ġodda u kunċetti ġodda. Bix-xogħol li qed isir il-MITA qed twieġeb għar-realtà ta’ madwarna mibnija fuq dinja globalizzata fejn l-istudenti tagħna qegħdin jikkompetu ma’ persuni b’ħiliet simili minn madwar id-dinja”, tenna s-Segretarju Parlamentari.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046