PAJJIŻNA JINSAB IMPENJAT LI JARA LI L-EKONOMIJA U L-AMBJENT JGĦINU LIL XULXIN JISSAĦĦU, GĦAL KWALITÀ TA’ ĦAJJA AĦJAR FOST IĊ-ĊITTADINI TAGĦNA – IL-MINISTRU LEO BRINCAT
‘It-Tkabbir Sostenibbli: Lejn Ekonomija Effiċjenti fl-Użu tar-Riżorsi u Favur l-Ambjent’: Laqgħa Pubblika mill-MEUSAC dwar il-Miri Ambjentali tal-Istrateġija ‘Ewropa 2020’
L-użu effiċjenti tar-riżorsi, l-iżvilupp sostenibbli, Circular Economy, l-azzjoni favur il-klima, u l-miri ambjentali għal Malta kienu fost it-temi ewlenin diskussi mill-imsieħba soċjali, rappreżentanti ta’ għaqdiet tas-soċjetà ċivili u tan-negozju, NGOs u l-pubbliku ġenerali, mal-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u Tibdil fil-Klima, il-Ministru Leo Brincat, waqt laqgħa pubblika organizzata mill-MEUSAC.
Din il-laqgħa, kif spjega Dott. Vanni Xuereb, Kap tal-MEUSAC, kienet ir-raba’ waħda minn sensiela ta’ laqgħat pubbliċi organizzati matul din is-sena, u li qegħdin iservu ta’ konsultazzjoni u evalwazzjoni tal-miri tal-Istrateġija ‘Ewropa 2020’ għal Malta fil-kuntest tal-10 snin ta’ sħubija fl-Unjoni Ewropea. Dott. Xuereb spjega s-sinifikat ta’ dawn il-laqgħat fil-kuntest tal-konsultazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-progress fil-miri tal-Istrateġija u fil-kuntest ta’ fejn irid imur pajjiżna fis-snin li ġejjin bħala Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.
Il-Ministru Brincat saħaq li biex jintlaħqu l-għanijiet ewlenin tal-iżvilupp sostenibbli u t-tisħiħ tal-ambjent hemm bżonn sinerġija qawwija fi ħdan il-Gvern innifsu, kemm fuq livell Ministerjali u anki fi ħdan l-istituzzjonijiet u l-entitajiet li jagħmlu parti minnu. Min-naħa l-oħra l-Gvern għandu jservi l-aktar ta’ katalista sabiex jagħti l-ispazju kollu meħtieġ lis-settur privat.
Il-fatt li l-Kummissjoni Ewropea l-ġdida tidher li se jkollha l-iżvilupp sostenibbli mifruxa bħala responsabbiltà, jikkonferma li dan huwa qasam li hemm bżonn jitwessa’ sabiex kulħadd iġorr ir-responsabbiltà għat-twettiq tiegħu.
L-impenn tal-Gvern wassal li mhux biss ikollna - skont l-istess Kummissjoni Ewropea - rekord pożittiv ħafna dwar infringements Ewropej, tant li ġejna kklassifikati flimkien ma’ żewġ pajjiżi Baltiċi fost l-aqwa performers fl-Unjoni Ewropea, iżda rnexxielna nagħlqu wkoll ħafna proċeduri li kienu se jinbdew kontra pajjiżna bħal fil-każ tal-ACCESS TO JUSTICE fost oħrajn.
Il-Ministru Brincat qal li għalkemm huwa importanti li kull liġi turi għarfien tal-karatteristiċi ewlenin ta’ kull stat membru, pajjiżna se jkun fuq ta’ quddiem fl-Unjoni Ewropea b’leġiżlazzjoni mirquma skont iċ-ċirkustanzi ta’ pajjiżna, dwar l-azzjoni favur il-klima u t-tniġġis tal-ħsejjes kif imwiegħed fil-Budget 2014.
Huwa qal li r-ritmu qawwi li qabad l-iżvilupp ekonomiku f’pajjiżna mhux talli mhux se jtellef l-afforestazzjoni ta’ gżiritna, iżda talli studju dwar il-potenzjal tat-tkabbir tiegħu li ġie kkummissjonat lill-Professur Universitarju u Ekoloġista prominenti, mistenni jitlesta dalwaqt - fejn wara li jiġi mgħarbel mill-Ministeru, għandu jitressaq għall-kunsiderazzjoni tal-Gvern innifsu.
Kif imwiegħed fil-Pjan Nazzjonali dwar l-Ambjent se jinħatar fil-ġejjieni qrib KUNSILL KONSULTATTIV XJENTIFIKU DWAR L-AMBJENT kif għandhom għadd ta’ pajjiżi oħrajn fl-Unjoni Ewropea. It-Termini ta’ Referenza tiegħu qegħdin jiġu finalizzati.
Il-Ministru semma kif pajjiżi bħall-Emirati Magħquda, li għandhom ħafna riżorsi naturali, jittrattaw il-kunċett tal-Ekonomija l-Ħadra u Żvilupp Sostenibbli b’impenn. Huwa qal li hekk irridu nagħmlu aħna biex nibqgħu kompetittivi.
Dwar il-qasma tal-MEPA, il-Ministru Brincat qal li għaddej xogħol ħiemed iżda effettiv ħafna minn ‘change management team’ li fi żmien qasir rebaħ il-fiduċja tal-ħaddiema tad-Direttorat Ambjentali għall-mod miftuħ u konsultattiv li bih qed jopera. It-tir tal-Ministeru tal-Ambjent huwa li t-tranżizzjoni ssir b’tali mod li l-ħaddiema jħossu ruħhom aktar motivati, kif ukoll li ċ-ċittadini ta’ pajjiżna jibdew iħossu d-differenza għall-aħjar.
Il-Ministru saħaq li l-Ministeru tiegħu ma jistax jitqies bħala xi eNGO jew xi Ministeru maqtugħ għalih mill-kumplament tal-Gvern, iżda fl-istess ħin stqarr li huma dejjem wasslu u se jibqgħu jwasslu l-vuċi tagħhom fil-livelli kollha skont kif jitolbu ċ-ċirkustanzi.
Waqt il-laqgħa saru diversi interventi mill-parteċipanti, fosthom dwar l-iskart inkluż dak tal-ikel, siġar u afforestazzjoni, tniġġis mill-ħsejjes, l-iżvilupp sostenibbli f’livell ta’ Gvern Ċentrali u dak lokali, eko-kontribuzzjoni, l-bijodiversità, l-miri u d-direttivi tal-Unjoni Ewropea, l-ilma, l-art u r-riżorsi naturali, l-enerġija mill-iskart u l-bini.
Fil-konklużjoni tiegħu, il-Ministru Brincat qal li din il-laqgħa kienet opportunità biex jitwasslu għadd ta’ messaġġi importanti fosthom li t-tkabbir ekonomiku huwa imperattiv iżda dan dment li jtejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini. L-effetti ta’ politika sostenibbli ma għandhomx jitħaddmu biss minħabba dak li mistenni minnha u hija vitali li tinqered il-gwerra bejn interessi ekonomiċi u ambjentali u li jsiru kumplimentari għal xulxin. Huwa qal li hemm bżonn li jiġi żgurat li l-lat soċjali jkun dejjem imħares u kull politika għandha tħares għat-tul u mhux short term.
Huwa qal li ħareġ ċar ukoll li fost l-isfidi immedjati insibu: l-bidla fil-klima, it-tnaqqis u s-separazzjoni aħjar tal-iskart biex innaqsu l-ħtieġa tal-landfills u nqisu l-iskart bħala riżorsa, it-tniġġis, il-ħarsien tal-ambjent u r-riżorsi naturali minn sfruttament żejjed, il-wirt storiku u kulturali, l-edukazzjoni u s-sehem pubbliku.
Dawn il-laqgħat pubbliċi qegħdin jiġu organizzati mill-MEUSAC u ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea taħt il-Management Partnership bejn il-MEUSAC u l-Kummissjoni Ewropea.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046