IL-MINISTRU HELENA DALLI TATTENDI GĦAL KONFERENZA MINISTERJALI F’RUMA DWAR ID-DRITTIJIET TAN-NISA U L-UGWALJANZA BEJN IS-SESSI
F’konferenza ministerjali f’Ruma dwar id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Dott. Helena Dalli tkellmet dwar l-isfidi u l-opportunijiet li għandha l-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam.
Waqt din il-konferenza intitolata “Gender Equality in Europe: An Unfinished Business” organizzata mill-Presidenza Taljana tal-Kunsill Ewropew, Dott. Dalli qalet li l-vjolenza kontra n-nisa toħloq problemi kemm soċjali kif ukoll ekonomiċi.
Hija talbet lill-Kummisjoni Ewropea tieħu passi konkreti permezz ta’ tfassil ta’ strateġija biex tiġi indirizzata din l-isfida li skont rapport maħruġ mill-Aġenda għad-Drittijiet Fundamentali Ewropea, tolqot terz tan-nisa fl-Unjoni Ewropea.
Dott. Dalli semmiet kif Malta rratifikat il-Konvenzjoni ta’ Istanbul u ħeġġett lir-rapprezentanti tal-Istati Membri preżenti biex ukoll jagħmlu dan il-pass.
Il-Ministru Dalli tkellmet ukoll fuq il-mizuri li ttiehdu f’Malta biex aktar nisa jkunu jistgħu jidħlu fid-dinja tax-xogħol u jkollhom aktar indipendenza finanzjarja. Fost dawn semmiet is-servizz ta’ childcare b’xejn li ġie introdott f’April li għadda kif ukoll inċentivi ta’ taxxa biex ġenituri jkunu jistgħu jirritornaw fid-dinja tax-xogħol wara li jkollhom it-tfal.
Il-Ministru Helena Dalli rringrazzjat lill-Presidenza Taljana tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-inizzjativa li ttieħdet biex jitlaqqgħu l-Ministri responsabbli mill-Ugwaljanza tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u jiddiskutu miżuri meħtieġa biex verament ikun hemm ugwaljanza bejn is-sessi.
Matul din il-konferenza l-Ministru Dalli kelli diversi laqghat bilaterali ma’ Ministri Ewropej.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046