Left arrow Mur Lura

IMWAQQAF TEMPORANJAMENT L-AĠĠUSTAMENT TAL-ISTATISTIKA KIF REGOLAT MILL-MEKKANIŻMU STABBILIT FL-UNJONI EWROPEA

pr142479
Date Icon 24/10/2014
Il-Kunsill Ewropew laħaq qbil unanimu li jwaqqaf b’mod temporanju l-aġġustament tal-istatistika li kien propost fuq diversi pajjiżi Ewropej skont il-mekkaniżmu tekniku li japplika kull sena kif stabbilit mill-Unjoni Ewropea.
Seba’ pajjiżi, fosthom Malta, kienu qed jintalbu jżidu l-kontribuzzjoni tagħhom filwaqt li pajjiżi oħra kienu se jirċievu aktar fondi. Minkejja li l-aġġustament hija proċedura annwali, din id-darba ħolqot kontroversja għaliex l-entità tas-somom kienet ferm ikbar mis-soltu.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li ħadd mill-pajjiżi Ewropej ma talab għal intervent politiku fuq in-numri imma għal spjegazzjoni ta’ kif il-Eurostat waslet għaċ-ċifri li ssemmew. Għalhekk, l-aġġustament ġie temporanjament imwaqqaf sakemm jiltaqgħu l-Ministri tal-Finanzi Ewropej u jitolbu l-kjarifiċi meħtieġa.
Dr Muscat spjega li, b’differenza minn pajjiżi oħra, it-tlettax-il miljun ewro li l-Unjoni Ewropea kienet qed titlob bħala żieda tal-kontribuzzjoni ta’ Malta ma ġietx bħala sorpriża li tista’ toħloq problema għal budget tagħna. Anzi din is-somma hija inkluża fil-pjan finanzjarju li pajjiżna ppreżenta lill-Kummissjoni Ewropea għal budget tas-sena d-dieħla. Madanakollu, Malta trid tkun konvinta li t-talba tal-Unjoni Ewropea hija ġustifikata.
Intant, fil-Kunsill Ewropew saret ukoll diskussjoni miftuħa dwar l-andament ekonomiku fl-Ewropa. Il-Prim Ministru spjega kif teżisti realiżazzjoni li r-ritmu ekonomiku m’huwiex miexi kif mixtieq. Minkejja li Malta sejra tajjeb f’dan il-qasam, xorta l-Ewropa tibqa’ s-suq ewlieni tagħna u għalhekk għandna interess li r-riżultati ekonomiċi jirpiljaw.
Malta hija favur id-dixxiplina imma kontra r-riġidità. Dr Muscat qal li l-pajjiżi li qed jiffaċċjaw problemi għandhom jingħataw ċans, u mhux jitwaqqfu, milli jwettqu miżuri importanti.
Din id-diskussjoni tkompliet waqt laqgħa tal-pajjiżi taż-żona ewro fejn il-President tal-Bank Ċentrali Ewropej ta preżentazzjoni dwar il-prospetti għaż-żmien li ġej.
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow