IL-PUBBLIKAZZJONI TA’ ŻEWĠ ANTOLOĠIJI ĠODDA TA’ NOVELLI BIL-MALTI GĦALL-ISTUDENTI TAS-SEKONDARJA
Fl-iskola Medja tan-Naxxar, Kulleġġ Marija Reġina, saret it-tnedija ta’ żewġ antoloġiji ġodda ta’ novelli bil-Malti. Għal din it-tnedija kienu preżenti l-Ministru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, is-Sur Evarist Bartolo, id-Direttur Ġenerali tad-Direttorat tal-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni, is-Sur Ian Mifsud, kif ukoll id-Direttur tat-Tmexxija tal-Kurrikulu, is-Sur Gaetano Bugeja. Preżenti wkoll kien hemm il-membri tal-Bord tal-Għażla li ħadu ħsieb il-ġbir tan-novelli taż-żewġ antoloġiji, kif ukoll għadd ta’ għalliema u Kapijiet tad-Dipartiment tal-Malti.
L-antoloġiji bl-isem ta’ “Arja Friska 1: Ġabra ta’ Stejjer” u “Arja Friska 2: Ġabra ta’ Stejjer” huma maħsuba għall-istudenti fl-ewwel u t-tieni sena tas-sekondarja. Il-kotba, madankollu, jistgħu jinxtraw ukoll minn skejjel oħra u mill-pubbliku mill-ħwienet ewlenin tal-kotba.
Il-ħtieġa li jkun hemm antoloġiji ta’ novelli li jieħdu gost jaqrawha l-istudenti tal-iskejjel sekondarji kienet ilha tinħass fid-Dipartiment tal-Malti. Minkejja l-għadd ġmielu ta’ pubblikazzjonjiet li joħorġu kull sena, meta wieħed idur u jara x’joffri s-suq Malti, jibqa’ skantat kif novelli mmirati għal din l-udjenza huma daqshekk skarsi.
Għalhekk id-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Kurrikulu tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol għoġbu jaħtar bord ta’ edukaturi biex jiġbru antoloġiji ta’ novelli ppubblikati. Il-Bord kien magħmul minn membri mid-Dipartiment tal-Kurrikulu, il-Fakultà tal-Edukazzjoni, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u għadd ta’ għalliema tal-Malti.
L-għalliema tal-iskejjel statali kienu wkoll mistiedna biex jibagħtu suġġerimenti ta’ novelli jew antoloġiji li jħossuhom relevanti u jappellaw għall-istudenti. Dawn is-suġġerimenti ġew ikkunsidrati mill-Bord li fassal ċekkjatura biex tiggwidah fl-għażla tan-novelli. Fiċ-ċekkjatura ġew identifikati għadd ta’ ġeneri differenti ta’ novelli. Kull novella magħżula nżammet fl-istil oriġinali tagħha u dan biex tiġi rrispettata u apprezzata l-ħila artistika tal-awtur u l-udjenza li kiteb għaliha.
Fl-għażliet tal-Bord iddaħħlu xi ħrejjef u leġġendi popolari Maltin li dejjem saħħru lill-qarrejja ta’ kull età. Dan anke biex dan il-wirt kulturali tagħna ma jintesiex jew jintilef imma l-istudenti tagħna jerġgħu jiskopru mill-ġdid id-dinja sabiħa tal-ħrafa u l-leġġenda Maltija.
Intgħażlu wkoll xi novelli dwar karattri partikulari magħrufin u maħbubin mal-istudenti bħal Mastru Gerfex, ir-Ronnie u Ġaħan. Il-Bord ra wkoll li fl-antoloġiji jkun hemm ukoll stejjer addattati tal-iħirsa, novelli tal-fantaxjenza u novelli romantiċi li żgur jinżlu għasel mal-udjenza adoloxxenti Maltija.
Il-Bord qies li jagħżel novella waħda ta’ kull awtur u dan biex joffri lill-qarrejja firxa wiesgħa ta’ stili li kull kittieb għandu. Il-Bord fittex ukoll li jinkludi kemm kittieba magħrufa mal-istudenti bħal Trevor Zahra, Carmel Cauchi u Lina Brockdorff. Il-bord ħaseb ukoll li jintroduċielhom oħrajn ‘ġodda u friski’ bħal Pierre Meilak u Nora Macelli li jittrattaw, b’mod li jappella, temi kurrenti tas-soċjetà Maltija li qed jgħixu fiha l-istudenti tagħna.
Aktar milli kotba tal-iskola, dawn l-antoloġiji għandhom jitqiesu bħala kotba li jħajruk għal aktar qari sabiħ u interessanti bil-Malti. Għalhekk kull novella għandha illustrazzjoni biex tkompli tgħin fit-tqanqil tal-interess fid-dinja msaħħra tar-rakkont.
Il-ħsieb aħħari ta’ din l-antoloġija kien li lill-istudenti fl-iskejjel tagħna (u lill-pubbliku li jħobb jaqra bil-Malti) nippreżentawlhom qari bil-Malti sabiħ u li jogħġob. Permezz ta’ din il-ġabra ta’ novelli nittamaw li l-ġenerazzjoni adolexxenti Maltija tinħakem minn fewġa ta’ “Arja Friska” li tqarribha dejjem aktar lejn il-gost tal-qari bil-Malti.
L-antoloġiji “Arja Friska 1: Ġabra ta’ Stejjer” u “Arja Friska 2: Ġabra ta’ Stejjer” ġew ippubblikati minn Midsea Publications.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046