MALTA IDENTIFIKATA BĦALA WAĦDA MILL-FTIT PAJJIŻI TA’ PRIORITÀ LI SE JKOLLHOM AĊĊESS GĦALL-PROĠETTI LI JAGĦTU INTERKONNESSJONI TAL-ELETTRIKU U L-ENERĠIJA
Il-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar is-settur tal-enerġija wasslet biex il-Kunsill Ewropew jinkludi lil Malta bħala waħda mill-ftit pajjiżi ta’ priorità li se jibbenefikaw minn għajnuna għall-proġetti li jagħtu interkonnessjoni tal-elettriku u l-enerġija.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet fi Brussell, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li dan l-iżvilupp ifisser li Malta hija waħda mis-swieq li l-Unjoni Ewropea trid li tinfetaħ għalih.
Huwa pass li jimxi id f’id mal-proġett li miexi f’pajjiżna biex il-ġenerazzjoni tal-elettriku tibda ssir biss bil-gass, u mhux bil-heavy fuel oil, bl-għeluq tal-powerstation tal-Marsa, il-bidla għall-gass tal-powerstation f’Delimara u l-bini ta’ powerstation ġdida li taħdem bil-gass.
L-approvazzjoni tanġibbli tal-Kunsill Ewropew favur proġetti ta’ interkonnessjoni f’pajjiżna tagħmel ukoll il-ħajja aktar faċli fil-kuntest tal-istudju dwar il-pipeline tal-gass li, jekk fattibbli, tkun tista’ tgħaqqadna mal-Ewropa kif ukoll mal-Afrika ta’ Fuq biex Malta tkun tista’ sservi bħala hub tal-enerġija fil-Mediterran.
Dr Muscat semma wkoll ir-referenza, fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew, għall-appoġġ li se tingħata għall-proġett tal-pipeline mill-Azerbaijan lejn l-Ewropa filwaqt li fakkar kif parti importanti mill-konsorzju li qed jibni l-proġett tal-powerstation il-ġdida f’Malta hija l-kumpanija Socar mill-Azerbaijan. Dan huwa wkoll żvilupp importanti għall-kunċett tas-security of supply f’pajjiżna.
Il-Prim Ministru spjega kif il-Kunsill Ewropew laħaq kompromess dwar il-miri tat-tibdil fil-klima li se jagħti vantaġġ ta’ sena biex l-Unjoni Ewropea tkun tista’ tressaq pakkett maqbul b’leħen wieħed fil-konferenza importanti li se ssir f’Diċembru 2015 ġewwa Pariġi.
Temm jgħid li, f’dan il-qasam, Malta għandha l-potenzjal li se ssir mudell li jieħu ħsieb l-ambjent u l-kwalità tal-arja u għalhekk hija favur sitwazzjoni realistika u miri ambizzjużi.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046