11–Il INVESTITUR JISSOTTOMETTU L-PROPOSTI TAGĦHOM GĦALL-IŻVILUPP TAL-WHITE ROCKS MALTA
11-il investitur, mis-17 li ġabru d-dokument tal-Espressjoni Internazzjonali ta’ Interess għal Konċessjoni ghad-Disinn, Bini u Operat tal-White Rocks Malta, issottomettew il-proposti tagħhom mal-Privatisation Unit tal-Gvern.
Il-Gvern nieda s-sejħa internazzjonali għal konċessjoni għad-disinn, bini u operat tal-White Rocks Malta fl-20 ta’ Ġunju 2014. B’kollox, minn dakinhar, fil-Privatisation Unit daħlu 139 talba għal aktar informazzjoni, li minnhom, sakemm skada ż-żmien ghall-gbir tad-dokument tal-EOI, kien hemm 17 li ġabru d-dokument.
L-investituri li ġabru d-dokument kellhom sat-30 ta’ Settembru biex ikunu jistgħu jitolbu xi kjarifiki, il-Privatisation Unit kellha sal-15 ta’ Ottubru biex twieġeb dawn il-mistoqsijiet ta’ kjarifiki, u l-Ġimgħa, 24 ta’ Ottubru, kienet id-data tal-gheluq sabiex jiddaħħlu s-sottomissjonijiet tal-proponenti mal-Privatisation Unit.
Il-pass li jmiss hu li jinħatar kumitat bil-għan li jevalwa l-proposti u jipprepara rapport ta’ rakkomandazzjoni lill-Gvern ta’ kif għandu jkun utilizzat bl-ahjar mod is-sit abbazi tas-sottomossijonijiet li saru.
Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Dr. Chris Cardona, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal dan in-numru ta’ investituri li ssottomettew il-proposti tagħhom wara li kienu wrew interess għas-sejħa Internazzjonali li ħareġ il-Gvern.
Il-Ministru Cardona qal li dan in-numru ta’ sottomissjonijiet għall-iżvilupp tal-White Rocks Malta jkompli jimla lil dan il-Gvern bil-kuraġġ biex ikompli jaħdem ħalli jpoġġi lil dan il-pajjiż fuq quddiem fl-Ewropa, kif diġa`, bħala pajjiż, qed jirnexxilna nagħmlu f’diversi oqsma, fosthom fl-ekonomija u fl-impjiegi.
“Qed inħarsu ’l quddiem biex, b’determinazzjoni u impenn, naraw li dan il-proġett fl-aħħar jitwettaq. Dan ħalli ssir ġustizzja ma’ din iż-żona u mal-poplu li ilu s-snin jara din it-telqa u, fuq kollox, jara sit b’potenzjal kbir f’pajjiżu ma jkunx utilizzat”, saħaq il-Ministru Cardona.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046