STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRIM MINISTRU
pr142460
24/10/2014
Meta fil-leġislatura li għaddiet ingħatat €1.16 bħala kumpens għall-għoli tal-ħajja, il-Gvern ta’ dak iż-żmien kien ta €500 fil-ġimgħa lill-Ministri u lis-Segretarji Parlamentari tiegħu filwaqt li għolla l-kontijiet tad-dawl u l-ilma għall-ogħla livelli fl-istorja tal-pajjiż. Min illum qed jiftaħar bil-kumpens li ta għall-għoli tal-ħajja, jkun qed jikkonferma biss kemm fil-fatt kienu għoljin il-prezzijiet fi żmienu.
Waqt li kien qed jindirizza lill-ġurnalisti fi Brussels fejn qed jitlaqqa Kunsill Ewropew, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-istatistiku turi li, f’din il-leġislatura, l-inflazzjoni poġġiet inqas pressjoni fuq il-familji. Madanakollu, l-Gvern xorta għandu l-obbligu li fil-budget li jmiss iwieżen il-piż tal-familji li għandhom bżonn biex dak li ma ngħatax permezz tal-COLA, jingħata b'miżuri oħra raġjonevoli.
Dr Muscat qal l-kumpens għall-għoli tal-ħajja huwa maħdum skond mekkaniżmu miftiehem mal-imsieħba soċjali kollha u ma jistax ikun hemm logħob madwaru jekk mhux bi ftehim bejn kulħadd.
Għad-domandi tal-ġurnalisti, il-Prim Ministru qal li l-Kummissjoni Ewropea ma ressqet ebda dubju dwar l-istrateġija ekonomika u finanzjarja li qed jieħu pajjiżna. It-talba tal-Kummissjoni hija biss dwar meta għandhom ikunu ppublikati l-miżuri tal-budget. Ta' Malta huma fil-fatt ferm differenti mid-domandi li qed isiru dwar il-budgets ta' pajjiżi oħra.
Il-Prim Ministru sostna l-Kummissjoni Ewropea qed tifhem il-pożizzjoni ta' Malta u esprima ruħu fiduċjuż li t-talba tagħha tkun riżolta fil-jiem li ġejjin.
Intant, fost it-temi ewlenin diskussa fil-Kunsill Ewropew hemm is-settur tal-enerġija u t-tibdil fil-klima. Dr Muscat qal li Malta għandha l-potenzjal li ssir mudell li tieħu ħsieb l-ambjent u l-kwalita tal-arja.
Pajjiżna miexi lejn l-għan li jkun hub tal-enerġija fil-Mediterran li tgħaqqad lill-Ewropa mal-Afrika ta' Fuq. Jekk irid jersaq lejn sistema ta' enerġija effiċjenti, pajjiżna ma jistax ikun dipendenti fuq sors wieħed u għandu jagħti s-sehem tiegħu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet kif inhi l-mira Ewropea.
Għalhekk, hija sinifikanti l-ħidma tal-Gvern biex jagħmel il-qalba mill-heavy fuel oil għall-gass kemm fil-powerstation eżistenti f'Delimara kif ukoll bil-powerstation il-ġdida li se telimina l-użu tal-iktar żejt li jniġġeżmill-ġenerazzjoni tal-elettriku. Dan se jnaqqas mal-miljun tunnellata ta' emissjonijiet li sa llum jispiċċaw fil-pulmuni tagħna.
Il-Prim Ministru qal li issa fadal temi oħrajn li jiġu indirizzati fosthom l-emissjonijiet mit-traffiku u l-użu ta' gass antik fis-sistemi tal-arja kundizzjonata.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046