Left arrow Mur Lura

​DISKORS MILL-MINISTRU GĦALL-ĠUSTIZZJA, KULTURA U GVERN LOKALI OWEN BONNICI FL-OKKAŻJONI TAL-JUM EWROPEW TAL-ĠUSTIZZJA

pr142454
Date Icon 23/10/2014

Nixtieq nirringrazzja lis-Sinjorija tiegħu l-Prim Imħallef Silvio Camilleri tal-kelmtejn tiegħu fl-okkażjoni tal-Jum Ewropew tal-Ġustizzja u lill-Imħallfin, Maġistrati, staff tal-Qorti u ospiti oħrajn tal-attendenza tagħhom għal din iċ-ċerimonja qasira għall-ftuħ ta’ numru ta’ attivitajiet organizzati biex jfakkru l-Jum Ewropew iddedikat għal Ġustizzja.

Dan il-jum jiġi ċċelebrat kull sena għall-ħabta tal-25 ta’ Ottubru. L-għan ta’ din l-okkażjoni huwa li ġġib il-ġustizzja eqreb lejn iċ-ċittadin, biex dawn jkunu infurmati dwar id-drittijiet tagħhom u biex jippromwovu l-ħidma tal-Kunsill tal-Ewropa u l-Kummissjoni Ewropea fil-qasam tal-ġustizzja ċivili, permezz ta’ simulazzjoni ta’ proċeduri u sessjonijiet ta’ informazzjoni.

Din il-ġurnata hija miftuħa għal kulħadd: studenti u nies li jaħdmu fil-qasam tal-ġustizzja.

Din is-sena, il-Ministeru organizza bosta attivitajiet immirati biex jattiraw in-nies lejn il-ħajja ġudizzjarja. Il-Qorti hija xi ħaġa essenzjali għall-ħajja ċivili u demokratika iżda ftit nies jieħdu gost li jkollhom x’jaqsmu mal-Qrati tal-Ġustizzja. Fil-fatt qed naraw li numru sostanzjali ta’ studenti li jiggradwaw bħala avukati mhux qedgħin ikomplu l-karriera tagħhom il-Qorti iżda qed isibu mpjieg f’kumpaniji finanzjarji jew kummerċjali oħrajn. B’hekk il-ġimgħa d-dieħla, il-Ministeru flimkien mal-Qrati u ma’ żewġ għaqdiet studenteski (GħSL u JCA) se jorganizza court visits u seminar immirat għal dawk l-istudendi fl-ewwel sena tal-liġi biex ikunu aktar familjarji max-xogħol u l-ambjent li jaħdmu fih l-avukati u professjonijiet legali oħrajn.

Iżda għalkemm wieħed jgħix fil-preżent u jipprepara għall-futur, wieħed m’għandux jinsa li l-passat li wassalna s’hawn. B’hekk il-Ministeru għall-Ġustizzja, b’kollaborazzjoni mal-Ministeru tas-Saħħa, Heritage Malta u r-rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, organizzaw exhibition u open day f’dan il-Palazz majestuż li kien inbena mill-Granmastru Pinto biex iservi ta’ Qorti. Filfatt hawnhekk insibu l-iskultura li bosta drabi tintuża meta wieħed jirreferi għall-Qrati: dik ta’ Astrea (Lady Justice).

Barra minn hekk din is-sena ttellat esibizzjoni ddedikata għall-mibki Prim Imħallef Emeritu Hugh Harding li ħalla din il-ħajja din is-sena. Minn hawn nixtieq nirringrazja lill-familja tal-Imħallef Harding talli ġentilment ippreparaw numru ta’ oġġetti professjonali u personali tal-Imħallef. Din l-esibizzjoni flimkien ma’ tours gwidati tal-Palazz Kastellanija se jinfetaħ għall-pubbliku nhar is-Sibt 25 ta’ Ottubru bejn id-9 ta’ filgħodu u s-6 ta’ filgħaxija.

Din is-sena tlifna bosta membri tal-Ġudikatura oħra li n-nuqqas tagħhom se jinħass sew. Ngħaddi r-rispett tiegħi lill-Familja tal-Imħallef Gino Camilleri u l-kondoljanzi lill-familja tal-Maġistrat Emeritu Joseph Apap Bologna.

Propju ftit qabel ma ġejna hawn illum bdejna din l-attività billi żorna u ftaħna uffiċjalment Binja San Tumas More, il-binja l-ġdida li qed tospita l-membri tal-ġudikatura flimkien ma l-istaff tagħhom.

F’din il-binja, issa, il-ġudikanti kollha għandhom uffiċju u li viċin tagħhom hemm l-istaff kollu għall-benefiċċju tagħhom, kuntlarju għall-bini tal-qrati fejn l-istaff kien f’sulari differenti u li kien joħloq inkonvenjent.

F’din il-binja, ta’ min wieħed ukoll jgħid li hemm element aktar qawwi ta’ sigurtà għaliex il-bini mhux aċċessibli għall-pubbliku inġenerali.

Barra minn hekk huwa ta’ sodisfazzjon kbir għalija li qed inniedi dan il-ktejjeb informattiv li qed jiġi pubblikat għall-informazzjoni tal-pubbliku dwar il-proċess ta’ medjazzjoni fil-qorti tal-familja. 

Meta jinqalgħu diffikultajiet fiż-żwieġ, sfortunatament dawn ġeneralment jiġu riferuti lill-Qrati tal-Ġustizzja biex jiġu riżolti.  Iżda l-għajnuna ta’ medjatur biex jgħinhom jaslu għall-qbil mingħajr il-ħtieġa li jirrikorru għall-proċeduri formali ġewwa qorti, hi proċedura aktar effettiva u irħas. 

Dan il-ktejjeb hu maħsub li jagħti l-informazzjoni meħtieġa lil dawk li jagħżlu li jmorru għall-medjazzjoni milli l-proċeduri burokratiċi u li jieħdu aktar żmien.  Dan il-ktejjeb hu miktub b’mod li jista’ jinftiehem minn kulħadd.

Il-pubblikazzjoni ta’ dan il-ktejjeb hu pass ieħor importanti fis-serje ta’ miżuri li qed jieħu l-ministeru tiegħi sabiex is-sistemi tal-ġustizzja jkunu aktar effiċjenti u effikaċi.   L-għoti tal-informazzjoni hi waħda mill-miżuri li tgħin liċ-ċittadini jifhmu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom, filwaqt li fl-istess ħin ma jħossuhomx mitlufa f’sistema li, wara kollox, hi maħsuba li twassal għall-ġustizzja għal kulħadd.

Filfatt se ngħaddi issa sabiex infakkar ftit mill-għadd ta’ miżuri li ġew introdotti s’issa sabiex jagħmlu propju dan.

Ħafna mill-miżuri li l-amministrazzjoni tal-qrati qed tħejji sabiex jitħaffef ix-xogħol tal-qrati jirrigwardaw l-użu aħjar tat-teknoloġija tal-informatika. Filfatt mill-1 ta’ Jannar 2014 ġiet introdotta sistema li permezz tagħha l-partijiet f’kawża fiċ-Ċivil jiġu nfurmati b’sms kull meta l-kawża tagħhom tkun ġiet differita u għalhekk ma jkun se jsir xejn fil-kawża tagħhom. L-sms se anke jinforma lill-partijiet għal liema data tkun ġiet differita il-kawża.

Qed jintbagħtu wkoll emails lill-Avukati u Prokuraturi Legali dwar ir-riżultat ta’ notifika, għaliex sa ftit ġimgħat ilu, biex avukat jew prokuratur legali jkun jaf jekk att ġudizzjarju jkunx ġie notifikat, ikun irid imur fir-Reġistru, jistaqsi lill-iskrivani għall-atti, ifittex l-att jew il-folder tan-notifika u jara r-riferta li jkun għamel il-marixxall.  Proċess li jinvolvi x-xogħol u jieħu l-ħin.

B’hekk ġie introdott servizz ġdid li bih l-avukati u l-prokuraturi legali jiġu infurmati permezz ta’ email jekk att ġudizzjarju ġiex notifikat jew le.

Servizz ieħor li beda jiġi offrut minn Ottubru lill-professjoni legali huwa l-Lecam online li bih l-avukati, in-nutara pubbliċi u l-prokuraturi legali jkollhom aċċess għall-informazzjoni li wieħed kien jista’ jsibha biss fuq is-sistema komputerizzata tal-Qorti.  B’hekk il-professjonisti legali jkunu jistgħu jagħmlu riċerka mill-kumdità tal-uffiċċju tagħhom 24/7 mingħajr ma joqogħdu jmorru fir-Reġistru tal-Qorti biex jakkwista l-informazzjoni li jkunu jridu.

Apparti dawn il-miżuri ma ninsewx li matul is-sena l-oħra diġà kienu ġew introdotti sistemi ġodda fejn, kif aktar qabel imsemmi, bdejna nibagħtu sms lill-avukati sabiex ninfurmawhom bis-seduti li jkunu ġew differiti u dan sabiex javżaw lill-klijenti tagħhom.  Bdejna wkoll nibagħtu permezz ta’ email it-traskrizzjonijiet tax-xhieda u d-digrieti tal-qrati ċivili lill-avukati.

Dawn is-servizzi ġodda tal-informatika huma intiżi biex iċ-ċittadini jieħdu servizz aħjar u aktar f’waqtu fil-qasam tal-amministrazzjoni tal-Ġustizzja.  Fuq kollox dawn is-servizzi se jgħinu liċ-ċittadini biex permezz tal-avukat tal-fiduċja tagħhom ikunu jafu b’mod immedjat dak kollu li jkun qed jiġri fil-kawża tagħhom. 

F’Settembru li għadda beda ukoll proġett pilota li jikkonċentra fuq is-seduti tat-traffiku assenjati lil Maġistrat Dr Francesco De Pasquale fejn l-imputati u x-xhieda jiġu notifikati minn kumpanija privata u mhux mill-Puliżija; ix-xhieda f’kawża ma jiġux il-Qorti għalxejn fil-każ fejn l-imputat ma jkunx notifikat.

Barra minn hekk id-Deputat Reġistratur se jkun jista’ jikteb il-verbal fis-sistema provduta mill-kumpanija privata u toħroġ estratt tas-sentenza sabiex l-imputat u l-partijiet ikun jista’ jkollhom kopja informali tas-sentenza immedjatament.

Huwa maħsub li s-seduti kollha tad-distrett jiġu kollha reġistrati b’ din is-sistema. Dan ikun possibbli billi naħdmu fuq kull distrett id f’id mal-Maġistrati assenjati fuq id-distretti.

Minn Marzu ta’ din is-sena ġew appuntati tliet Court Customer Relations Assistants.  Kull min jidħol il-Qorti llum isib lil dawn l-uffiċjali fl-intrata tal-Qorti sabiex jirrispondu għall-mistoqsijiet tal-pubbliku inġenerali, u mill-professjonisti legali li jattendu fil-Qrati tal-Ġustizzja kuljum.  Huma jieħdu ħsieb li jirrispondu mistoqsijiet u diffikultajiet u jipprovdu informazzjoni lill-klijenti fuq servizzi offruti mid-Direttorati tal-Qrati.  B’dan is-servizz kull minn jattendi għal xi raġuni jew oħra fil-Qorti, se jsib l-għajnuna li jkollu bżonn u b’hekk jiffranka ħafna ħin idur fil-kurituri tal-Qorti biex jottjeni direzzjoni jew informazzjoni relatata mal-każ tiegħu.

Fil-Qorti ta’ Għawdex ġie introdott ħin staggered tas-seduti tal-kawżi tal-Kriminal biex jitnaqqas kemm jista’ jkun il-ħin ta’ stennija tan-nies involuti f’dawn it-tip ta’ kawżi, filwaqt li komplew jittieħdu xhieda ta’ partijiet fil-kawża li jkunu msefrin bis-sistema ta’ SKYPE. Dan s’issa kien biss għal kawżi ċivili.

Bi ftehim mal-Ministeru għal Għawdex, li se jipprovdi l-apparat,  se jsir proġett pilota biex xhieda ta’ tobba f’kawżi kriminali jittieħdu permezz tal-video-conference, mingħajr il-bżonn li tobba jiġu mħarrka mill-Pulizija biex jitilgħu l-Qorti jixhdu, b’telf ta’ ħin kbir u ta’ riżorsi, kif ukoll bi skariġġ għall-istess tobba, li ħafna drabi jkollhom iħallu l-pazjenti tagħhom għal ħin twil biex jixhdu fil-Qorti.  B’din l-inizjattiva, ix-xhieda tkun tista’ tittieħed faċilment mill-isptar stess fejn ġa hemm sistema installata tal-video-conference li preżentement tintuża bejn l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-Isptar Mater Dei.  Fil-Qorti ta’ Għawdex se jintuża apparat POLYCOM, li huwa aktar sikur minn dak tal-iSKYPE u fil-futur hemm il-ħsieb li tali apparat ikun jista’ jintuża għal inizjattivi oħra, dejjem bl-għan li jitnaqqas il-piż tal-burokrazija fuq il-klijent tal-Qorti.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow