GĦAWDEX AKTAR NADIF - ECO-TRUCK U ECO-CAB MILL-KUNSILL LOKALI GĦARB
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo awgura l-akkwist ta’ żewġ vetturi mill-Kunsill Lokali tal-Għarb - eco-truck u eco-cab. Dawn il-vetturi huwa parti minn proġett ikbar li jismu Smart Civic Centre – proġett li kien iffinanzjat taħt l-Ewwel Skema għal proġetti Eko-Għawdex minn Kunsilli Lokali. Il-Ministeru għal Għawdex qiegħed ukoll jagħmel użu minn vettura li taħdem mija fil-mija bil-batterija u għalhekk huwa pijunier fl-użu ta’ teknoloġija mill-iktar nadifa fit-toroq tagħna.
Anton Refalo tenna li “jekk hawn branding jew timbru distintiv li għandna nagħtu lil Għawdex, dan huwa ta’ gżira fejn tingħata prijorita’ massima lill-kura tal-ambjent li writna mingħand missirijietna, u li aħna obbligati ngħaddu kemm jista’ jkun bla mittiefes – jekk mhux saħansitra aħjar – lil uliedna.”
Il-Ministeru għal Għawdex ikkontribwixxa s-somma ta’ euro 66,500 (sitta u sittin elf u ħames mitt euro) għal dan il-proġett. Permezz tal-introduzzjoni ta’ dawn iż-żewġ vetturi – l-eco cab u l-eco-truck – il-Kunsill Lokali tal-Għarb qiegħed jipprovdi mezz ta’ trasport iktar nadif u iktar sostenibbli għal din il-lokalita’.
L-eco-cab sejjer jipprovdi s-servizzi ekoloġici tiegħu lir-residenti tal-lokalita’ kif ukoll lill-membri tal-komunita’ bi bżonnijiet speċjali u dawk b’mobilita’ limitata. Is-servizz sejjer jiġi pprovdut ukoll lit-turisti li jżuru l-inħawi ta’ Wied il-Mielaħ li ġew imsebbħin. L-eko truck sejjer jieħu post trakk second-hand qadim biex b’hekk il-lokalita’ jkollha vettura nadifa u sostenibbli minflok vettura li tniġġeż l-arja sabiex tieħu ħsieb il-ħtiġijiet ta’ kuljum ta’ xogħol ta’ tindif u manutenzjoni ordinarja f’din il-lokalita’.
Il-Ministru Refalo awgura lill-kunsill tal-Għarb fil-ħidma tiegħu waqt li faħħar din l-inizjattiva. Huwa ħeġġeġ biex aktar Kunsill Lokali jinvestu f’inizjattivi u f’teknoloġija favur ambjent aktar nadif. Preżenti kien hemm is-sindku tal-Għarb David Apap flimkien mal-kunsillieri, d-direttur ta’ Eco-Għawdex Anthony Zammit, studenti tal-iskola Primarja tal-Għarb u xi residenti.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046