STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAT-TURIŻMU: Żieda ta’ 7000 passiġġier tal-cruise liners fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena
‘Il fuq minn 318,000 passiġġier fuq il-cruise liners żaru Malta bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena, li tfisser żieda ta’ 2.5% meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra. Matul l-ewwel disa’ xhur tas-sena 2014 il-passiġġieri ġejjin minn Franza, l-Awstralja u l-Ġermanja żiedu b’49%, b’39% u b’16% rispettivament meta kkomparat mal-istess xhur tas-sena 2013.
Matul dawn l-istess xhur iż-żieda fil-passiġġieri li qattgħu lejl ġewwa lukanda Maltija kienet ta’ 196%. Fit-tielet kwart ta’ din is-sena din iż-żieda sparat ‘il fuq meta kkomparat mal-perjodu ta’ bejn Lulju u Settembru tas-sena l-oħra. Dan għaliex ġiet irreġistrata żieda ta’ 13,261 passiġġier li ddeċidew li jqattgħu lejl ġewwa lukanda Maltija. Dan ifisser żieda ta’ aktar minn 7 darbiet taċ-ċifra rreġistrata fl-istess perjodu tas-sena 2013.
Il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis laqa’ b’sodifazzjon dawn ir-riżultati li jikkonfermaw l-istrateġija u l-ħidma tal-Gvern sabiex il-ġid maħluq mit-turiżmu jkun mifrux max-xhur kollha tas-sena.
Iż-żieda qawwija fil-passiġġieri li għażlu li jqattgħu lejl ġewwa lukandi Maltin hija konferma tar-riżultati pożittivi li pajjiżna qed jirreġistra xahar wara xahar fit-total tal-iljieli mqatta’ mit-turisti li jżuru pajjiżna, qal Dr Zammit Lewis.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046