Left arrow Mur Lura

IL-PRESIDENT TA’ MALTA MARIE-LOUISE COLEIRO PRECA TVARA L-KTIEB ‘TISJIR MILL-QALB’ B’RISQ IL-MALTA COMMUNITY CHEST FUND

PR142441
Date Icon 22/10/2014

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca llum waranofsinhar varat il-ktieb ‘Tisjir mill-Qalb’ b’risq il-Malta Community Chest Fund. Il-President irringrazzjat lill-personalitajiet li kkontribwew tmien riċetti kull wieħed għal dan il-ktieb li l-qligħ kollu minnu se jmur għall-Malta Community Chest Fund, li iktar ma jgħaddi ż-żmien iktar qed tħoss il-bżonn kbir li żżid il-fondi minħabba l-ammonti kbar ta’ nies li qed jitolbu għall-għajununa kawża ta’ mard bħal dak tal-kanċer.

Spjegat li f’sena mijiet ta’ Maltin b’xorti ħażina qed jaffaċċjaw sitwazzjonijiet diffiċli ta’ mard, u qed ikunu l-onkoloġisti stess li qed jidderieġu lill-pazjenti Maltin għand il-Malta Community Chest Fund għall-għajnuna. Il-President qalet li tħossha tant grata iżda li minn stejjer tant negattivi, qed toħroġ tant pożittività permezz tas-solidarjetà ta’ tant Maltin, u Għawdxin li b’inizjattivi diversi qed jingħaqdu flimkien biex bil-ħiliet tagħhom jiġbru l-fondi għal min qed ikollu bżonn din is-solidarjetà.

Fil-ħarġa ta’ ‘Tisjir mill-Qalb’ ta’ din is-sena, ikkontribwixxa bir-riċetti tiegħu, s-Sur Edgar Preca li qal li jħossu tant grat lejn il-personalitajiet kollha li kkontribwew mill-ġdid riċetti tant bnini għall-poplu Malti u Għawdxi. Is-Sur Preca spjega r-realtà tal-Malta Community Chest Fund u t-tant talbiet li qed tirċievi minn Maltin u Għawdxin li jispiċċaw darhom mal-ħajt minħabba mard, u li għalhekk hemm bżonn li l-fond tal-Malta Community Chest Fund jiżdied.

Is-Sur Preca qal li minkejja li l-mard tal-kanċer żdied u allura dan huwa ta’ swied ta’ qalb, hemm realtà oħra pożittiva li l-kura żdiedet ukoll, iżda li għal dan hemm spejjeż kbar. Għal dan il-għan is-Sur Preca ħeġġeġ biex il-Maltin u Għawdxin jagħrfu li m’hemm xejn isbaħ u aħjar mis-solidarjetà ta’ bejnietna li mmissu l-qlub ta’ xulxin billi ngħinu meta niġu f’sitwazzjonijiet bħal dawn.  Sfortunatament, ir-realtà hi li kulħadd jista’ jiġi f’sitwazzjoni diffiċli, imma mbagħad id-differenza pożittiva sseħħ meta lkoll niġu flimkien u nsaħħu lil xulxin bis-solidarjetà ta’ bejnietna.

‘Tisjir mill-Qalb’ ta’ din is-sena għandu b’kollox 80 riċetta minn għaxar personalitajiet differenti; mis-Sur Edgar Preca, Manuel Aquilina, George Borg, Nancy Buhagiar, Neil Darmann, Aaron Degabriele, Joseph Mizzi, Liz Said, Mark Schembri u Karmen Tedesco. Il-ktieb fih kapitlu dwar riċetti veġetarjani, riċetti Għawdxin, riċetti sempliċi bi ftit ingredjenti, riċetti tajbin għal dawk li ma jittollerawx il-glutina (gluten free). Il-ktieb baqa’ bl-istess prezz, dak ta’ €10 biss b’risq il-Malta Community Chest Fund.

Kull personalità ħejjiet 8 riċetti bi tmien temi differenti, b’hekk il-ktieb se jkollu 10 riċetti f’kull tema. It-temi jinkludu riċetti tajbin għas-saħħa: l-ewwel platt, għaġin jew ross, laħam, ħut, tjur, platt veġetarjan, u deżerta jew ħelu.
II-ktieb fih ritratti mill-isbaħ li ttieħdu mill-grupp IRIS.

Il-Ktieb Tisjir mill-Qalb ġie stampat mill-kumpannija Best Print Ltd, bl-isponsor ewlieni jkun Scotts Supermarket.

Tisjir mill-Qalb jinsab għall-bejgħ minn Scotts Supermarket, Agenda, 8 till Late, Maltapost, Maypole, ħwienet kollha ewlenin tal-kotba ta’ Malta u Għawdex, mill-fergħat kollha tal-Maltapost, Kitchen Garden, u mill-Palazz il-Belt Valletta jew minn fuq il-link: www.tisjir.donate.com.mt.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow