IL-MINISTRI TAL-5+5 JIFFIRMAW DIKJARAZZJONI LI SSAĦĦAĦ L-IMPENN LEJN FTEHIM AĦJAR FIS-SETTURI TAT-TRASPORT
Il-Ministri tat-Transport tal-5+5 iffirmaw dikjarazzjoni li tkompli turi l-impenn bis-sħiħ għall-inizjattivi li jikkontribwixxu effettivament lejn ftehim aħjar, fost dawk li jfasslu l-politika, kif ukoll fost il-partijiet interessati fl-industrija tat-trasport, bil-għan li tħeġġeġ aktar l-sforzi tagħhom biex jistabbilixxu mekkaniżmi leġiżlattivi u proċedurali li jiffaċilitaw is-setturi differenti tat-trasport.
Meta kien qiegħed jindirizza t-Tmien laqgħa tal-Ministri tat-Trasport għall-Mediterran tal-Punent (GTMO 5+5) li qed issir f’Lisbona, il-Portugall, taħt il-Presidenza Portugiża, il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi fakkar li kienu konferenzi bħal din, flimkien ma', u kkumplimentati minn proġetti fil-qasam tat-trasport skont id-Dikjarazzjoni ta’ Barċellona, li wasslu għall-Pjan Reġjonali ta' Azzjoni tat-Trasport u l-istituzzjoni tal-Unjoni tal-Mediterran. Dawn jibqgħu jirċievu l-appoġġ tal-gvernijiet tal 5+5 u dik tal-Unjoni Ewropea u l-Unjoni tal-Magreb Għarbi. Huwa saħaq li Malta tilqa’ l-koperazzjoni kontinwa mill-qrib ta’ GTMO 5+5 mal-Unjoni għall-Mediterran għaliex dan jista’ jwassal biss għal massimizzazzjoni tas-sinerġiji.
Il-Ministru Joe Mizzi tkellem ukoll dwar il-ħtieġa ta’ aktar koperazzjoni li tista’ ssarraf fl-iżvilupp ta’ programmi ta' ġemellaġġ u ta' taħriġ flimkien mal-iskambji ta' assistenza teknika personalizzata, flimkien ma’ inizjattivi simili li għandhom jew qed jiġu mwettqa permezz ta' mekkaniżmi ta' finanzjament tal-UE. Dan huwa meħtieġ sabiex tiġi żgurata s-sigurta u l-kwalità tat-trasport, partikolarment tat-trasport marittimu, li minħabba l-ġografija tal-pajjiżi tal-5+5, huwa rikonoxxut bħala l-mezz ideali.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046