IL-GVERN HUWA KOMMESS LI JKOMPLI JAĦDEM BIEX JIPPROTEĠI VITTMI TA’ VJOLENZA DOMESTIKA U DIK SESSWALI – MINISTRU HELENA DALLI
Imressqa riżoluzzjoni minn Soroptomist International li tappella lill-Gvern, deputati fil-Parlament Malti u f’dak Ewropew biex jingħaqdu flimkien ma’ pajjiżi oħra u filwaqt li jikkundannaw kull forma ta’ vjolenza, iħeġġu biex tkompli tingħata l-għajnuna lill-vittmi
F’indirizz li għamlet waqt forum pubbliku dwar it-titjib tal-ħajja tan-nisa u tal-bniet organizzat minn Soroptomist International, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli tkellmet fuq l-impenn tal-Gvern fil-qasam tad-drittijiet tan-nisa, fosthom il-vjolenza fuq in-nisa.
Il-Ministru Dalli semmiet li Malta rratifikat il-Konvenzjoni ta’ Istanbul li titkellem b’mod ċar kontra l-vjolenza domestika u dik sesswali fuq in-nisa. Din il-konvenzjoni tidħol fis-seħħ b’mod effettiv fl-1 ta’ Novembru li ġej, bil-Gvern kommess li jimplimentaha b’mod sħiħ sabiex jipproteġi lill-vittmi.
Helena Dalli spjegat kif għaddejjin taħdidiet mal-Korp tal-Pulizija sabiex il-membri tal-Korp jirċievu aktar taħriġ fuq kif għandhom jassistu bl-aħjar mod meta jiġu ffaċjati b’każijiet ta’ vjolenza domestika jew sesswali.
“Pajjiżna illeġisla wkoll kontra l-mutilazzjoni tal-organi ġenitali tal-mara (female genital mutilation) u kontra ż-żwieġ furzat tat-tfal (child forced marriage), u dan issa huwa meqjus bħala reat kriminali” qalet il-Ministru Helena Dalli. F’dan ir-rigward, Malta hija wkoll firmatarja ta’ charter li kien preparat waqt il- Girls Summit li ttella’ f’Londra f’Lulju li għadda.
Il-Parlament Malti approva wkoll emendi fil-kodiċi kriminali li jipprojbixxu l-isterilizzazzjoni furzata (forced sterilisation) u żwieġ furzat (forced marriage).
Il-Ministru Dalli enfasizzat li pajjiżna jibqa’ kommess li jagħmel dak kollu li jista’ biex joffri appoġġ u għajnuna lill-vittmi ta’ vjolenza domestika u dik sesswali.
Helena Dalli semmiet kif ix-xahar li għadda, f’konferenza imtella’ mill-Kunsill tal-Ewropa u mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Taljan, pajjiżna ffirma dikjarazzjoni konġunta flimkien ma’ Ministri u Segretarji tal-Istat minn pajjiżi differenti fosthom l-Italja, l-Albanija, il-Portugal u Spanja fejn qablu li jindirizzaw il-vjolenza kontra n-nisa.
Qalet li l-Gvern huwa kommess li jsaħħah il-ħolqien ta’ strutturi oħra li jinkoraġġixxu impjegati biex jirrappurtaw każijiet ta’ abbuż sesswali fuq il-post tax-xogħol. F’dan ir-rigward, semmiet kif il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, l-NCPE, għaddejja b’taħriġ ma’ uffiċjali fis-servizz pubbliku dwar fastidju sesswali u l-effetti li dan iġib miegħu.
Fi tmiem il-forum pubbliku, il-Ministru Helena Dalli ffirmat riżoluzzjoni mressqa minn Soroptomist International li tappella lill-Gvern, deputati parlamentari fil-Parlament Malti u f’dak Ewropew biex jingħaqdu flimkien ma’ pajjiżi oħra u jikkundannaw kull forma ta’ vjolenza.
Fl-istess ħin ir-riżoluzzjoni tappella biex tkompli tingħata l-għajnuna u l-appoġġ lill-vittmi li jfittxu l-għajnuna wara l-esperjenzi qarsa ta’ vjolenza li jwasslu għal uġigħ, trawma u umiljazzjoni.
Preżenti għal-laqgħa kien hemm Madi Sharma li hija membru tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fuq l-Ugwaljanza tas-Sessi u l-Vjolenza Domestika.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046