LEJLA B’ĠIEĦ IL-POETA NAZZJONALI DUN KARM FIL-PALAZZ TA’ SANT’ANTON
Il-Kumitat Festi Nazzjonali flimkien mal-Akkademja tal-Malti huma l-mistiedna tal-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca, biex ifakkru lill-Poeta Nazzjonali Dun Karm fix-xahar li twieled nhar it-18 ta’ Ottubru tal-1871 u meta miet fit-13 tal-istess xahar tal-1961, ftit jiem qabel għalaq id-disgħin sena.
L-Akkademja Mużiko-Letterarja li ser issir nhar il-Ħamis, 23 ta’ Ottubru fil-Palazz ta’ Sant’ Anton, fis-7 ta’ filgħaxija tieħu bħala sfond il-vers tal-Innu Nazzjonali “Seddaq il-Għaqda fil-Maltin” u tkompli b’poeżiji oħra ta’ Dun Karm miktuba bl-akbar għożża dwar l-imħabba lejn pajjiżna u l-ambjent madwarna li jixraqlu aktar għarfien. Il-Chorus Urbanus taħt id-direzzjoni ta’ Mro John Galea li ġej minn Għawdex, imbagħad jislet għanjiet u innijiet tal-Poeta li tgħallimnihom minn fuq il-bankijiet tal-iskola.
Id-diskors ewlieni ser jagħmlu l-poeta u awtur Achille Mizzi li jitkellem dwar il-Poeżija Maltija wara Dun Karm filwaqt li l-Prof. Oliver Friggieri ser jieħu l-versi tal-Innu Malti u xi jfissru għalina llum.
Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca tagħmel id-diskors tal-għeluq.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046