SOGĦBA GĦALL-MEWT TAL-MAĠISTRAT DR JOSEPH APAP BOLOGNA, MEMBRU TAL-KUMMISSJONI KONTRA L-KORRUZZJONI
Il-Membri tal-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni, Dr Yana Micallef Stafrace u l-Imħallef (irtirat) Dr Lawrence Quintano jesprimu s-sogħba tagħhom għat-telfa tal-Maġistrat Dr Joseph Apap Bologna. Wara l-laqgħa tal-Kummissjoni tal-Ħamis li għadda, li kienet aġġornata għal-lum it-Tnejn 20 ta’ Ottubru, ma konniex qed nistennew li fit-3 ta’ filgħodu kellna naqraw e-mail li għarrfitna bil-mewt tiegħu. Sa ftit minuti qabel kienet qed tintbagħat e-mail dwar il-laqgħa li kellha ssir f’nofsinhar. Eżattament wara nstabet e-mail li kienet waslet f’nofsillejl bl-aħbar tal-mewt tal-Maġistrat.
Il-Kummissjoni tixtieq trodd ħajr għall-kontribuzzjoni li ta l-Maġistrat Dr Joseph Apap Bologna mill-jum stess li l-membri ħadu l-ġurament tal-ħatra. Huwa għen sabiex numru sew ta’ dokumenti jkunu analizzati. B’hekk il-Kummissjoni setgħet tistabbilixxi jekk kienx hemm xi każ prima facie ta’ korruzzjoni skont il-Kodiċi Kriminali u li għalhekk irid ikun mistħarreġ bir-reqqa.
Il-Maġistrat Dr Joe Apap Bologna daħal b’entużjażmu kbir għall-kariga u ħadem sew minn ġo daru stess għaliex it-tħejjija għal-laqgħat tieħu l-ħin u x-xogħol mhux dak li jsir fil-laqgħat. Matul id-diskussjonijiet wieħed seta’ japprezza l-intelliġenza, il-ħila analitika u l-onestà li wera huwa u jiżen kull dokument jew każ li ddiskutiet il-Kummissjoni. L-aktar mumenti memorabbli tiegħu kienu dwar il-punti legali li nqalgħu minn mument għall-ieħor.
It-telfa tal-Maġistrat Dr Joe Apap Bologna ser tinħass sew.
Il-Kummissjoni tixtieq tieħu din l-okkażjoni sabiex tagħti l-kondoljanzi tagħha lill-membri tal-familja tiegħu.
Agħtih o Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046