112-IL DATA PROTECTION OFFICER ITEMMU B’SUĊĊESS TAĦRIĠ B’FONDI EWROPEJ FIL-QASAM TAL-PROTEZZJONI TAD-DATA
Għall-ewwel darba s-servizz pubbliku se jkollu nies imħarrġa f’dan il-qasam biex jagħmlu Privacy Impact Assessments u Data Protection Audits
112-il uffiċjal fis-servizz pubbliku li jaħdmu fil-qasam tal-protezzjoni tad-data temmew b’suċċess kors ta’ taħriġ speċjalizzat b’fondi Ewropej bl-iskop li jwessgħu l-kompetenzi tagħhom fis-settur.
Fost l-oħrajn, dawn l-uffiċjali tħarġu fl-hekk imsejħa Privacy Impact Assessment li mistenija tkun rikjesta legali għall-proċessi ġodda taħt il-General Data Protection Regulation li bħalissa qed tkun abbozzata u li mistennija tidhol fis-seħħ is-sena d-dieħla.
F’indirizz li għamlet fil-konklużjoni ta’ seminar li ġab fi tmiem dan il-proġett, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Dott. Helena Dalli fissret kif illum, aktar qed tinħass il-ħtieġa li s-servizz pubbliku jkun mgħammar b’nies li jkollhom il-ħiliet neċessarji biex jaħdmu f’dan is-settur tant importanti u sensittiv.
Qalet li l-Gvern qed ikun proattiv billi jipprepara uffiċjali fis-servizz pubbliku biex ikunu konformi mal-att il-ġdid dwar il-protezzjoni tad-data.
“Din ir-regolamentazzjoni tista’ tkun ta’ utilità għall-istess uffiċjali fejn tidħol ħolqien ta’ proċeduri aktar effiċjenti u effettivi dwar il-mod kif tkun ipproċessata l-informazzjoni personali. Tassigura wkoll li proġetti li jkunu qed jiġu żviluppati ma jiksrux jew ma jkollhomx impatt fuq id-data personali tal-persuni” qalet il-Ministru Dalli.
Il-Ministru Dalli emfasizzat l-importanza li l-Ministeru għad-Djalogu Soċjali jassigura li dan id-dritt ma jkunx miksur u li joffri l-protezzjoni lejn id-dritt tal-privatezza ta’ kull individwu.
Hija spjegat kif permezz ta’ dan t-taħriġ, għall-ewwel darba s-servizz pubbliku issa se jkun jista’ jibda jagħmel Privacy Impact Assessments u Data Protection Audits.
Is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Presidenza 2017 u l-Fondi Ewropej Dott. Ian Borg qal illi b’dan l-investiment ta’ madwar €328,176 mill-Fond Socjali Ewropew, 112-il uffiċjal mis-servizz pubbliku bbenefikaw minn taħriġ speċjalizzat fuq il-protezzjoni tad-data fejn 96% minnhom kisbu kwalifika jew ċertifikat.
Huwa saħaq fuq il-bżonn ta’ aktar investiment fir-riżors uman waqt li spjega kif għalkemm id-Direttiva tal-Protezzjoni tad-Data ilha fis-seħħ għal aktar minn għaxar snin, dan it-tip ta’ taħriġ qed jiġi pprovdut biss għall-ewwel darba lis-servizzi pubbliċi.
It-taħriġ sar bl-approvazzjoni tal-Kummissarju għall-Informazzjoni u l-Protezzjoni tad-Data kif ukoll huwa approvat mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla b’livell ta’ MQF 5.
Dan il-proġett offra wkoll opportunità għal 20 data protection officer biex jattendu għal study visit ta’ 3 ijiem f’Londra fejn setgħu josservaw il-mod kif joperaw uffiċjali simili barranin.
Din l-esperjenza serviet ukoll biex jieħdu aktar għarfien fil-professjoni tagħhom. Dawn il-persuni issa se jkunu jistgħu joffru programmi ta’ taħriġ għal impjegati sħabhom b’servizz ta’ train the trainer.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046