SIMPLIFIKAZZJONI FL-GĦOTJA TAŻ-ŻWIEĠ
Waqt konferenza tal-aħbarijiet it-Tnejn filgħodu, il-Ministru għall-familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Farrugia ħabbar il-dawk kollha li huma eleġibbli għall-għotja taż-żwieġ ser jibdew jiġu innotifikati mid-Dipartiment minflok jiġbru l-applikazzjoni huma.
Il-Ministru Farrugia qal illi fil-preżent, koppja li tiżżewweġ timla l-formola għall-għotja taż-żwieġ billi jew tmur f’wieħed mill-uffiċċji distrettwali li għandu d-Dipartiment jew inkella tidħol fil-website tad-Dipartiment u tniżżel il-formola, timliha u, jew tibgħatha bil-posta jew inkella teħodha f’wieħed mill-uffiċċji distrettwali.
Ta’ kull ġimgħa d-Dipartiment jirċievi l-informazzjoni ta’ min ikun iżżewweġ, wara li dawn ikunu rreġistraw iż-żwieġ tagħhom mar-Reġistru Pubbliku.
Michael Farrugia żied jgħid illi minn issa ’l quddiem hekk kif isir il-proċess tal-informazzjoni li jirċievi d-Dipartiment mingħand ir-registru pubbliku, tinħareġ ittra ta’ notifika biex il-koppja tinforma lid-Dipartiment bil-bdil ta’ dettalji bħal:
Bdil f’xi wieħed mill-kunjomijiet
Bdil tal-indirizz għal dak ġdid
Tagħrif dwar il-kont bankarju fejn il-koppja tkun trid li tiġi depożitata l-Għotja taż-Żwieġ
Il-koppja tista’ tinforma lid-Dipartiment bid-dettalji mitluba billi tidħol fis-sit tal-eGov u permezz tal-eID, tkun tista’ tissottometti d-dettalji neċessarji u l-informazzjoni tintbagħat b’mod elettroniku mingħajr il-ħtieġa ta’ aktar karti.
Il-Ministru Farrugia spjega kif jekk ħadd mill-koppja ma jkollu l-eID, jistgħu jmorru f’wieħed mill-uffiċċji distrettwali u hemmhekk, permezz tal-uffiċjali tad-Dipartiment, jintbagħtu d-dettalji b’mod elettroniku wkoll fuq l-istess sit eGov.
Huwa qal illi b’dan il-mod, mhux se jkun hemm aktar il-bżonn li timtela formola permezz ta’ karta biex b’hekk, id-Dipartiment ikun qiegħed ikompli jersaq lejn il-ħsieb tiegħu li jnaqqas kemm jista’ jkun l-użu tal-karti u s-simplifikazzjoni tal-proċessi.
Il-Ministru Farrugia żied jgħid illi din l-għotja tingħata anki lil dawk li jagħżlu li jmorru għall-Unjoni Ċivili.
Huwa qal illi bhalissa ir-rata tal-għotja taż-żwieġ hija ta’ Eur 271.04. Spjega wkoll illi l-istatistika fl-aħħar sentejn turi illi fis-sena 2012 kien hemm 3361 talba għall-għotja taż-żwieġ. B’kollox telgħu għal nefqa ta’ Eur862,651.40, filwaqt illi għas-sena 2013 kien hemm 2961 talba li ammontaw għal Eur 779,922.80.
Il-Ministru Farrugia temm jgħid illi fiż-żmien li ġej se jkun hemm proċess ta’ simplifikazzjoni anki fis-sistema tal-applikazzjoni għaċ-‘Children’s Allowance’.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046