DISKORS MIS-SEGRETARJU PARLAMENTARI GĦALL-GVERN LOKALI, STEFAN BUONTEMPO WAQT IL-LAQGĦA GĦAS-SINDKI U L-KUNSILLIERA TA’ MALTA U GĦAWDEX ORGANIZZATA MILL-ASSOĊJAZZJONI TAL-KUNSILLI LOKALI
Rivoluzzjoni Siekta fil-qasam tal-Kunsilli Lokali.
L-ewwelnett nixtieq nibda billi nirringrazzjakom tax-xogħol li qed twettqu fil-lokalitajiet tagħkom. Ħidma li ma taqta xejn bl-interess tar-residenti jkun dejjem fuq quddiem nett tal-agenda tagħkom.
Sfidi quddiemna għandna, u għandna mhux ftit però nemmen li flimkien ser naslu sabiex verament nagħmlu mill-kunsilli lokali istituzzjonijiet aktar effettivi u aktar effiċjenti.
Spiċċa ż-żmien ta’ riformi sporadiċi fil-qasam tal-Gvern Lokali. Nemmen li wasal iż-żmien li nieqfu nużaw il-qasam tal-gvern lokali sabiex niskurjaw il-punti politiċi. Ejjew nużaw l-opportunità tar-riforma fil-qasam tal-gvern lokali sabiex inkomplu nsaħħu l-fiduċja tal-poplu fil-politiċi li huma r-rappreżentanti tiegħu anka fuq bażi lokali.
Matul dawn l-aħħar xhur kienet għaddejja rivoluzzjoni siekta fil-qasam tal-gvern lokali, rivoluzzjoni li ma saritx taħt il-lenti tal-midja iżda li bdiet tinħema u titfassal wara konsultazzjoni wiesgħa mal-istakeholders kollha f’dan il-qasam u kif wkoll mar-residenti li huma l-atturi prinċipali f’din ir-riforma.
Dħalt fil-politika sabiex inbiddel u mhux biex niddeċiedi li ma niddeċidix, sintomu li sfortunatament kien sar in-norma taħt gvernijiet preċedenti. Bdejna naħdmu b’għaqal sabiex bi pjan ħolistiku nwettqu r-riformi li tant ilu jinħass il-bżonn li jitwettqu f’dan il-qasam, riformi li jħarsu għal pjan fit-tul li jibni sisien ġodda sabiex il-Kunsilli Lokali jibqgħu relevanti, sostenibbli, innovattivi u viċin iċ-ċittadin.
Matul dawn l-aħħar xhur iltqajt mal-Kunsilli Lokali kollha kemm f’Malta u kif wkoll f’Għawdex fejn flimkien tkellimna fuq il-proġetti li għandhom pjanati u kif wkoll dwar l-isfidi li qed jaffaċċjaw. Sfidi mhux żgħar iżda li huma sintomu tal-enerġija, il-ħeġġa u d-determinazzjoni li intom lkoll għandkom sabiex taraw il-lokalitajiet tagħkom mexjin ’il quddiem.
Bħala parti mill-konsultazzjoni li ser twassal għar-riformi li qed naħdmu fuqhom xtaqt li nieħu l-opinjoni tar-residenti li huma l-klijenti ewlenin tal-Kunsilli Lokali tagħna. Kull membru ta’ kull komunità irrispettivament mit-twemmin politiku tiegħu.
Bħala Segretarjat ikkumissjonajna lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika sabiex tagħmel studju dettaljat mar-residenti dwar dak li jidrilhom mis-servizzi li joffru l-Kunsilli Lokali, x’servizzi ġodda jixtiequ li jidħlu fis-seħħ, x’bidliet jixtiequ jaraw li jitwettqu u kif wkoll x’għandhom ikunu l-prijoritajiet ewlenin tal-Kunsilli Lokali tagħna. Studju elementari li sfortunatamenti fl-għoxrin sena li ilhom imwaqqfa l-Kunsilli Lokali kien għadu qatt ma sar. Nemmen li kull tip ta’ riforma li għandha ssir għandha tkun mibnija madwar il-ħtiġijiet partikolari tal-lokalitajiet tagħna, ħtiġijiet li huma differenti għal kull waħda mit-68 lokalità madwar pajjiżna.
Minbarra dan l-istudju lokali ġie ikkumissjonat wkoll studju ieħor li sar mis-Centre for Expertise for Democracy and Governance Reform fi ħdan il-Kunsill Ewropew. Studju ieħor li kompla jagħtina stampa ċara ta’ x’verament iridu u jippretendu r-residenti mill-Kunsilli Lokali li jeleġġu. Dan l-istudju li bħalissa għaddejja l-kumpilazzjoni tad-data kollha tiegħu ser jiġi ppubblikat fil-jiem li ġejjin u ser iservi bħala linja gwida għalina lkoll sabiex kull bidla maħsuba ssir fl-aħjar interess taċ-ċittadini.
Ħdimna u qed naħdmu sabiex inkomplu nnaqsu l-burokrazija u ssir simplifikazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti li jirregolaw il-ħidma tal-Kunsilli Lokali tagħna. Dan ser ikun qed isir b’pakkett ta’ emendi li fiż-żmien li ġej ser ikun qed jitressaq għall-konsultazzjoni tal-partijiet kollha interessati.
Qed niffukaw l-enerġija tagħna wkoll sabiex nagħtu l-aqwa għodda possibbli lill-ħaddiema fil-Kunsilli Lokali tagħna. Mutur ieħor indispensabbli sabiex il-gvern lokali jaħdem bl-aktar mod effiċjenti. Sabiex nagħmlu dan minn nhar it-Tnejn li ġej ser ikun qed jibda jingħata l-ewwel diploma course għas-Segretarji Eżekuttivi. Diploma Course li ġie akkreditat mill-European Qualification Framework u approvat min-National Commission for Higher and Further Education. Diploma iffinanzjata totalment mill-Fond Socjali Ewropew, proġett li daħal għalih id-Dipartiment tal-Governanza Lokali li nemmen li ser ikun qed isaħħaħ il-ħidma tal-istaff tagħna fil-Kunsilli Lokali. Ħidma li nemmen li għandha tkun waħda mwettqa b’mod ferm aktar professjonali sabiex nagħtu l-aqwa servizz lil kull min jersaq lejn l-uffiċini tagħna għall-għajnuna.
Nemmen wkoll li wasal iż-żmien sabiex nagħmlu mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali wieħed ferm aktar effiċjenti u aktar qrib il-Kunsilli Lokali tagħna. Wieħed irid jagħraf u japprezza l-ħidma li ssir mill-istaff fi ħdan id-Dipartiement però dan xorta waħda ma jistax jiġġustifika numru ta’ nuqqasijiet li diversi kunsilli lokali tkellmu miegħi dwarhom matul il-ġimgħat li għaddew. Nuqqasijiet li mbagħad jiġu riflessi fi problemi, dewmien u risposti li ma jaslu qatt lura lejn il-Kunsilli. Dan kollhu jaqta’ qalb dawk li jkunu jixtiequ jaħdmu, u jien dan żgur mhux ser nippermettih. Il-ħidma sabiex jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet bdiet, tistaqsuni jekk wasalniex ngħidilhom Le. Fadlilna biex naslu u matul iż-żmien li ġej ser nkompli naħdem sabiex nkompli nindirizza dawn il-problemi u nimplimenta riformi li ilu jinħass żmien twil in-nuqqas tagħhom.
Sabiex inwettqu dawn ir-riformi fi ħdan id-Dipartiment is-Segretarjat tiegħi ta’ ordinijiet wkoll sabiex jiġi kkumissjonat eżerċizzju mill-MIMCOL, eżerċizzju li fil-jiem li ġej ser iwassal sabiex jiġu ppreżentati numru ta’ rakomandazzjonijiet għal riformi meħtieġa. Għall-kuntrarju ta’ dak li kien jiġri f’dan il-qasam taħt amministrazzjonijiet preċedenti jien inħobb inħalli r-riżultati jitkellmu u mhux ir-retorika. Ir-rivoluzzjoni siekta li bdejna flimkien ser tkompli għaddejja matul ix-xhur li ġejjin. Dmirna huwa li nkomplu ntejbu l-operat tagħna u dan huwa dak li ser nkun qed nkompli nagħmel sakemm indum nokkupa l-kariga ta’ Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Gvern Lokali. Ħidma li fl-aħħar mill-aħħar twassal għal għan aħħari tagħna li huwa dak li jkollna kunsilli lokali aktar effiċjenti u aktar qrib in-nies.
Other Press Releases:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046