Left arrow Go Back

STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA U S-SAĦĦA

pr142396
Date Icon 17/10/2014

Il-poplu qed jiġġudika d-differenza li teżisti bejn il-ħidma pożittiva tal-Gvern fil-qasam tal-enerġija u l-attitudni negattiva tal-Oppożizzjoni li moħħha biss biex iddaħħal il-politika partiġġjana f’kollox.

Fil-qasam tal-enerġija, din l-amministrazzjoni wirtet settur għal kollox mitluq, b’korporazzjoni Enemalta mfarrka bid-dejn, b’ġenerazzjoni tal-elettriku li tiddependi mill-iktar żejt li jniġġeż u bl-għola kontijiet tad-dawl u l-ilma fl-istorja ta’ pajjiżna.

F’temp ta’ sena u nofs, din l-amministrazzjoni dawwret id-direzzjoni tas-settur, bis-sehem ta’ sieħeb strateġiku fl-Enemalta mit-tieni l-akbar ekonomija fid-dinja, bil-proċess li jkun eliminat l-użu tal-heavy fuel oil mill-ġenerazzjoni tal-elettriku, u bit-tnaqqis fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma għall-familji f’Marzu li għadda u għan-negozji f’Marzu li ġej.

Bħalissa jinsabu fl-aħħar fażi tagħhom id-diskussjonijiet mas-Shanghai Electric Power u l-Gvern diġa għamilha ċara li, malli jitlestew it-taħditiet, huwa lest jagħti aktar dettalji.

Għalhekk, m’hemm l-ebda kontroversja politika kif ippruvat iddaħħal l-Oppożizzjoni fil-konferenza tal-aħbarijiet li ndirizzat illum.

Hija sinifikanti ħafna li llum l-Oppożizzjoni ma kinitx lesta twieġeb għad-domanda tal-ġurnalisti dwar kemm ħalliet dejn warajha fl-Enemalta meta kienet fil-Gvern. Il-kważi biljun ewro telf fl-Enemalta huwa riżultat li jħammar wiċċ l-istess Oppożizzjoni.

L-Oppożizzjoni llum reġgħet iddefendiet l-għażla tal-heavy fuel oil u reġgħet ippruvat tieħu l-mertu tar-roħs fil-kontijiet wara li għamlet snin sħaħ tgħid lill-poplu li jrid jidra l-kontijiet għolja.

Dawn ir-reazzjonijiet ta’ paniku juru li l-Oppożizzjoni għadha ma tistax tniżżilha li, wara li raħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma f’Marzu li għadda, kif imwiegħed issa se jorħsu wkoll għan-negozji f’Marzu li ġej.

Il-familji u n-negozji jafu li dan il-Gvern biss huwa l-garanzija għar-roħs fil-kontijiet. Huwa biss dan il-Gvern il-garanzija għall-qalba tal-gass, bil-bini ta’ powerstation ġdida tal-gass, bl-għeluq tal-powerstation tal-Marsa, bit-tneħħija taċ-ċumnija ta’ Delimara u bl-użu tal-gass anke fl-impjant ta-BWSC.

Dan il-Gvern qed juri li għandu l-kredibilita kollha biex ikompli jwettaq il-mandat elettorali tiegħu favur kontijiet orħos u arja aktar nadifa

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow