IL-MINISTRU HELENA DALLI TENFASIZZA L-IMPORTANZA TA’ GĦARFIEN AKBAR DWAR L-ISTRESS U R-RISKJI PSIKOSOĊJALI FUQ IL-POST TAX-XOGĦOL
L-Uffiċċju tar-Rizorsi Umani fl-Amministrazzjoni Pubblika (PAHRO) u l-kumpanija Multigas ippremjati mill-OHSA għall-aħjar eżempji ta’ prattika tajba fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà
“Inqas stress għal aktar saħħa fuq ix-xogħol”.
Din hija t-tema magħżula għal din is-sena mill-Aġenzija Ewropea għas-Saħħa u s-Siġurtà fuq il-Post tax-Xogħol, li għandha l-għan li tqajjem aktar għarfien dwar l-istress u r-riskji psikosoċjali fuq il-post tax-xogħol.
Fl-għeluq ta’ seminar imtella’ mill-Awtorità Maltija għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) flimkien mal-Aġenzija Ewropea f’dan il-qasam, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Dott. Helena Dalli tkellmet kif f’Malta dan il-fattur irid ikun indirizzat aħjar.
Fissret kif l-istress fuq il-post tax-xogħol u r-riski marbuta miegħu jistgħu jħallu effett negattiv mhux biss fuq l-istat ta’ saħħa mentali tal-impjegat iżda jaffetwaw ukoll lill-familjari tal-ħaddiema.
Dott. Dalli spjegat kif teżisti tendenza li nikkonċentraw aktar fuq dawk ir-riskji li huma viżibbli bħal waqgħat mill-għoli jew miżuri relatati mal-ilbies protettiv, bil-konsegwenza li riskji psikosoċjali, partikolarment l-istress ma jingħatawx wisq importanza.
“L-istress u riskji psikosoċjali għandhom jingħataw l-istess importanza bħal riskji oħra u għandhom jiġu indirizzati fuq il-bażi tal-prinċipji ġenerali ta’ prevenzjoni skont l-Att dwar l-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol” qalet il-Ministru Dalli.
Hija emfasizzat l-importanza tal-konsultazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-ħaddiema f’dan ir-rigward hekk kif dawn iħallu diversi riżultati pożittivi li jinkludu għażla aktar għaqlija ta’ miżuri relatati mas-saħħa u s-sigurtà kif ukoll żieda fil-motivazzjoni tal-ħaddiema nfushom.
Il-Ministru Dalli faħħret bosta miżuri meħuda minn kumpaniji u organizzazzjonijiet differenti immirati biex ikun indirizzat l-istress u riskji psikosoċjali oħrajn.
Hija laqgħet ukoll b’mod pożittiv l-investiment li sar mill-kumpaniji u entitajiet differenti biex ikunu implimentati miżuri innovattvi ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Waqt l-istess seminar, l-Uffiċċju tar-Riżorsi Umani tal-Amministrazzjoni Pubblika (PAHRO) u l-kumpanija Multigas Limited kienu ppremjati mill-OHSA għall-aħjar eżempji ta’ prattika tajba fuq il-post tax-xogħol. Dawn ingħataw ukoll rikonoxximent flimkien mal-Fondazzjoni Richmond u l-Aġenzija Sedqa għall-impenn tagħhom fil-qasam tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Fil-ġimgħat li ġejjin, ir-rebbieħa se jkunu qed jikkompetu bl-eżempji ta’ prattika tajba tagħhom ma’ kumpaniji u organizzazzjonjiet oħra fuq livell Ewropew.
Stqarrijiet Oħra:
PR262047
STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...
PR262046