Left arrow Go Back

IL-PRIM MINISTRU WIEĦED MINN TLIET KELLIEMA EWROPEJ MAGĦŻUL BIEX JINDIRIZZA S-SUMMIT BEJN L-EWROPA U L-ASJA

pr142376
Date Icon 16/10/2014

Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien wieħed minn tliet kapijiet Ewropej li ntalab jintervjeni b’mod ewlieni fis-summit bejn l-Asja u l-Ewropa li qed isir f’Milan. Għal dan is-summit, li qed jingħata importanza kbira, qed jattendu 51 Kap ta’ Gvern u Stati miż-żewġ kontinenti.

Fl-intervent tiegħu l-Prim Ministru tkellem dwar l-importanza li jissaħħu r-relazzjonijiet u l-alleanzi bejn l-Asja u l-Ewropa għax flimkien, iż-żewġ kontinenti, jistgħu jkunu alleanza qawwija biex jindirizzaw kwistjonijiet globali li huma ta’ sinifikat importanti ħafna għaċ-ċittadini.

Il-Prim Ministru qal li jeżistu differenzi kif iż-żewġ kontinenti jħarsu lejn sfidi varji. Madankollu dan m’għandux ikun ta’ deterrent għal koperazzjoni ikbar, anzi anke jservi ta’ motivazzjoni għal konvergenza ikbar.

Huwa sostna li anke bejn 28 pajjiż Ewropew jeżistu diverġenzi fl-attitudni lejn ċerti oqsma. Madankollu b’riżultat ta’ diskussjonijiet dejjem jinstabu sinerġiji biex nimxu ’l quddiem.

“Dan huwa li għandu jagħmel dan il-forum importanti,” sostna l-Prim Ministru.

Il-Prim Ministru tkellem dwar il-Konferenza Dinjija dwar it-Tibdil fil-Klima li se ssir f’Pariġi fl-2015 u qal li dak se jkun eżami importanti li l-Komunità Internazzjonali ma tistax tfalli. L-Unjoni Ewropea, qal il-Prim Ministru, se tkun qed tiddiskuti dan is-suġġett fil-Kunsill tal-UE l-ġimgħa d-dieħla u dan is-Summit se jkun importanti biex l-Ewropa tkun taf x’inhuma l-ħsibijiet tal-pajjiżi Asjatiċi dwar is-suġġett tat-Tibdil fil-Klima.

Dr Muscat qal li s-sena d-dieħla se tkun importanti wkoll biex tkun diskussa u maqbula l-Aġenda ta’ Żvilupp ta’ wara l-2015 (Post 2015 Development Agenda). Huwa sostna li l-Millennium Development Goals biddlu l-ħajja ta’ miljuni ta’ persuni madwar id-dinja. Illum iktar tfal għandhom aċċess għall-edukazzjoni, ilma nadif u sistemi ta’ saħħa aħjar. Madankollu l-kriżi tal-Ebola qed isservi ta’ tfakkira li l-inugwaljanzi jeżistu, u allura fadlilna ħafna x’nagħmlu biex negħlbuhom.

Il-Prim Ministru rrefera għal kwistjonijiet ta’ drittijiet umani u qal li fadal ħafna xi jsir permezz ta’ kultura ta’ djalogu li għandha tinfirex iktar. Huwa qal li l-konnettività globali qiegħda tikber fost il-popli u allura hemm bżonn ta’ promozzjoni ta’ modi aħjar kif mezzi moderni jitħaddmu. Huwa qal li l-ASEM jista’ jkun forum ideali biex titkompla d-diskussjoni dwar kif il-mezzi diġitali moderni ġabu d-dinja eqreb lejn xulxin u biex dawn jintużaw bl-aqwa mod biex jinħoloq ambjent diġitali iktar sigur.

Joseph Muscat saħaq li t-tisħiħ bejn iż-żewġ kontinenti, madankollu, jista’ jsir iktar effettiv permezz ta’ kuntatti bejn il-popli nnifishom permezz ta’ skambji bejn is-soċjetà ċivili u akkademiċi li jistgħu jsaħħu r-relazzjonijiet sodi li diġà jeżistu.

Huwa sostna li ż-żewġ kontinenti jridu jkomplu jħarsu ’l quddiem anke permezz tal-idea pjuttost riċenti magħrufa bħala the New Green and Blue Silk Road li tgħaqqad liż-żewġ kontinenti flimkien mal-Afrika f’dawk li huma relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali. “Dan huwa eżempju tajjeb ta’ kif nistgħu nimxu u naħdmu flimkien b’mod sostenibbli għall-futur,” temm il-Prim Ministru.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI  L-isport huwa għodda b’saħħitha ħafna fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika – Il-Ministru Rosianne Cutajar

PR262047

STQARRIJA MILL- MINISTERU GĦALL-UGWALJANZA U D-DRITTIJIET ĊIVILI L-isport ...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZZJONI TAL-KONSUMATUR  Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

PR262046

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-FONDI EWROPEJ, ID-DJALOGU SOĊJALI U L-PROTEZ...

More Press Releases Right arrow