Left arrow Mur Lura

IL-KUNSILL MALTI GĦALL-IŻVILUPP EKONOMIKU U SOĊJALI JIDDISKUTI L-AĦĦAR ŻVILUPPI FIL-KRIŻI TAL-LIBJA

pr141862
Date Icon 20/08/2014

Miżuri speċifiċi biex ikunu salvagwardjati n-negozji u l-impjiegi tal-Maltin fil-Libja

F’laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali l-MCESD li saret kmieni wara nofsinhar kienu diskussi mal-imsieħba soċjali l-aħħar żviluppi dwar l-assistenza li pajjiżna qed jagħti fil-kriżi tal-Libja.

Fil-ftuħ tal-laqgħa, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli fissret kif il-Gvern ħass li kellu jpoġġi l-kwistjoni tal-Libja bħala materja ewlenija fuq l-aġenda għad-diskussjoni sabiex l-imsieħba soċjali jkollhom l-opportunità kollha li jistaqsu dak li għandhom bżonn. Fl-istess ħin semmiet kif il-laqgħa qed issir ukoll fuq proposta tal-GRTU.

Is-Segretarju Permamenti Ewlieni u Kap taċ-Ċentru ta’ Kontinġenza tal-Gvern Mario Cutajar semma’ kif iċ-ċentru ta’ kontinġenza tal-Gvern beda jopera immedjatament malli eskalat il-kriżi fil-Libja fejn baqgħu jsiru laqgħat regolari fil-preżenza tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u tal-Intern.

Huwa spjega kif filwaqt li l-Gvern ħejja pjan ta’ kontinġenza f’diversi oqsma fosthom dak tas-saħħa u l-influss tan-nies, ried jassigura li l-ħajja ekonomika, soċjali u kummerċjali ta’ pajjiżna ma tintmessx.

Mario Cutajar semma’ kif s’issa inġiebu lejn Malta 48 pazjent mil-Libja. 7 minnhom diġà ġew rilaxxati filwaqt li pazjent ieħor tilef ħajtu. Fl-istess ħin, il-Gvern Malti pprovda għajnuna lil 163 Malti u lid-dipendenti tagħhom biex jirritornaw Malta.

Huwa enfasizza li l-Gvern Malti qed isegwi mill-qrib u b’mod kontinwu dak li għadu qed iseħħ fil-Libja.

Il-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Inrapriżi Żgħar Chris Cardona qal li l-Malta Enterprise identifikat għadd ta’ kumpaniji li fl-aħħar snin esportaw lejn il-Libja u fil-maġġoranza tagħhom kienu intervistati jew ingħataw sett ta’ mistoqsijiet dwar l-interessi tagħhom fil-Libja.

Il-Ministru Cardona qal li kif wieħed jistenna, minn din l-informazzjoni li daħlet s’issa, jirriżulta li ħafna negozji qed jaħsbu li s-sitwazzjoni fil-Libja se tħalli effett negattiv fuq l-attività kummerċjali tagħhom u allura possibilment ikun hemm ukoll effett fuq l-impjiegi.

“Għaldaqstant bħala Gvern inħossuna fid-dover li nieħdu miżuri speċifiċi biex ngħinu lil dawn l-intraprizi bil-għan li nipproteġu l-impjiegi u n-negozji” saħaq il-Ministru Cardona.

Waħda mill-akbar problemi għal dawn in-negozji hija l-cash flow. Għalhekk diġà għaddej proċess biex miżuri simili għal dawk meħuda fl-2011, bħal dawk fir-rigward tar-rifużjoni tal-VAT u ħlasijiet oħrajn pendenti mill-Gvern, jerġgħu jittieħdu minn din l-amministrazzjoni.

Il-Ministru Cardona qal li l-Malta Enterprise u d-Dipartiment tal-VAT ħadmu wkoll fuq proċedura aktar speċifika biex jitħaffef il-proċess, fejn tnaqqset il-burokrazija u b’hekk dawn il-kumpaniji qed ikunu assistiti b’aktar effiċjenza.

“Aktar minn hekk, però, disposti wkoll li nassistu lil dawn il-kumpaniji f’każ li għandhom ħlasijiet pendenti għal servizzi jew prodotti pprovduti lill-Gvern. Hawnhekk ukoll se nkunu qed inħaffu l-proċessi burokratiċi ħalli nassiguraw li kemm jista’ nimminimizzaw l-impatt fuq il-cash flow ta’ dawn il-kumpaniji” tenna Chris Cardona.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Inawgurata s-sala rinnovata tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli

PR262042

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

Aktar Stqarrijiet Right arrow