Left arrow Mur Lura

GĦAJNUNA EX GRATIA GĦALL-FAMILJI LI SOFREW MINN QTUGĦ KONTINWU TAL-PROVVISTA TAL-ELETTRIKU GĦAL AKTAR MINN 12-IL SIEGĦA

pr141859
Date Icon 19/08/2014

Waqt żjara li għamel fiċ-Ċentru tad-Distribuzzjoni tal-Elettriku tal-Enemalta fil-Marsa, il-Ministru responsabbli mill-Enerġija Konrad Mizzi rringrazzja lill-ħaddiema għax-xogħol li wettqu biex il-provvista tal-elettriku terġa’ lura għan-normal fl-iqsar żmien possibbli.

Il-Ministru Konrad Mizzi qal li dak li ġara mhux aċċettabli u jifhem il-frustrazzjoni tal-pubbliku u tal-industrija għal dak li seħħ. Dan hu gvern differenti minn ta’ qabel u għalhekk il-Gvern se jkun qed jagħti pagament ex gratia, legalment mingħajr preġudizzju, ta’ €25, fuq kontijiet residenzjali u domestiċi li sofrew aktar minn 12-il siegħa mingħajr provvista tal-elettriku. Il-Gvern u l-Enemalta m’għandhom l-ebda obbligu legali li jagħtu xi forma ta’ kumpens jew rifużjoni f’ċirkostanzi bħal dawn.

Il-Ministru Konrad Mizzi qal ukoll li kellu laqgħat mar-rappreżentanti ta’ min iħaddem.  Flimkien, huma tkellmu dwar kif il-Gvern se jkun qed jgħin permezz ta’ skemi u programmi, fosthom programmi speċifiċi ta’ pagament kif ukoll skemi intiżi biex jgħinu lil dawk in-negozji li waqgħu lura fil-ħlasijiet tagħhom tul l-aħħar snin. Inizjattivi oħra se jinkludu miżuri biex l-Enemalta tkun aktar business friendly  u b’hekk tonqos il-burokrazija. Bħalissa għaddejin diskussjonijiet f’dan ir-rigward mal-Malta Hotels and Restaurants Association (MHRA), il-General Retailers and Traders Union (GRTU), il-Malta Employers Association (MEA) u Malta Chamber of Commerce Enerterprise and Industry.  Dawn il-miżuri se jkunu qed jitħabbru fiż-żmien li ġej.

Huwa fakkar li f’pajjiżna kellna blackouts fil-passat, kif ukoll inċident simili li seħħ fiċ-Ċentru ta’ Ħal Far fejn kien hemm min dam aktar minn 18-il siegħa mingħajr provvista tal-elettriku. Għalkemm il-passat ma jiġġustifikax dak li ġara llum, tajjeb li niftakru li l-problemi fis-sistema tad-distribuzzjoni ilhom magħna.

Dan kollu juri l-għaqal tal-Gvern li jfittex investiment barrani biex flimkien mal-Enemalta jindirizza l-problemi fil-ġenerazzjoni kif ukoll fid-distribuzzjoni, fil-ġenerazzjoni permezz tal-ftehim mal-Electrogas u fid-distribuzzjoni permezz ta’ cash injection ta’ €320 miljun mis-Shanghai Electric Power. Il-Ministru qal ukoll li bħalissa għaddejin żewġ inkjesti indipendenti, waħda maġisterjali u oħra interna biex jiġi stabbilit x’wassal għal dan l-inċident. Huwa qal li il-Gvern se jkun qed jaħdem biex dawn is-sitwazzjonijiet kemm fil-ġenerazzjoni kif ukoll fid-distribuzzjoni kemm jista’ jkun ma jseħħux.

Min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv u Direttur tal-Enemalta, l-Inġ. Fredrick Azzopardi, spjega x-xogħlijiet li qed isiru f’dan iċ-ċentru biex ikun hemm sigurtà fil-provvista tal-elettriku. Huwa qal li bħala parti minn din il-ħidma, sakemm jiġi manifatturat u mibni l-switchgear ġdid minflok dak li nħaraq, l-Enemalta qed tuża apparat li għandha disponibbli biex b’mod temporanju terġa’ tqabbad mal-grid il-feeders li bħalissa ma jistgħux jintużaw minħabba l-ħsarat.

B’hekk, sakemm jiġi installat l-apparat il-ġdid fl-switchgear room li nħarqet, l-Enemalta terġa’ tikseb aktar flessibilità fil­­-grid f’dawn l-inħawi. Ix-xogħol li għaddej bħalissa jinkludi struttura temporanja biex fiha joqgħod l-apparat, kif ukoll l-immodifikar ta’ switchgear li normalment jintuża fis-substations biex jintuża temporanjament minflok dak li nħaraq. Fl-istess waqt, kuntratturi tal-Enemalta qed jagħmlu culvert biex jgħaddu cables li se jagħqdu l-feeders affettwati mal-iswitchgear temporanju.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Inawgurata s-sala rinnovata tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli

PR262042

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

Aktar Stqarrijiet Right arrow