IL-MINISTERU GĦALL-AMBJENT SE JNIEDI KONSULTAZZJONI WIESGĦA DWAR IL-JUNK MAIL
Meta kien qed jindirizza attivitá tal-WasteServ Malta dwar l-iskema ‘Iġbor u Irbaħ bil-Fliexken u l-Bozoz’ il-Ministru Leo Brincat qal li l-pjan nazzjonali dwar l-immaniġġjar tal-iskart jitkellem ċar dwar il-ħtieġa li tiġi indirizzata l-problema tal-junk mail wara li ssir konsultazzjoni pubblika li tinkludi l-istakeholders kollha, kwistjoni li tħalliet fuq l-ixkaffa għal bosta snin iżda li tolqot tant residenzi direttament.
Dan aktar u aktar għaliex sa llum ma jeżisti ebda qafas regolatorju għal dan il-għan.
Il-Ministru Brincat qal li apparti mir-riċiklaġġ tal-iskart huwa dmir ta' kull Gvern li jikkunsidra miżuri dwar kif saħansitra jista’ jnaqqas l-iskart iġġenerat f'pajjiżna.
Il-Ministru Brincat qal li dan il-Gvern lest li jisma l-partijiet kollha kkonċernati mis-soċjetá ċivili u dawk li għandhom interess ekonomiku fis-settur tal-junk mail fi żmien li se jitħabbar aktar tard. Il-Gvern ta' qabel kien l-ewwel introduċa miżura fil-Budget 2009 biex jindirizza jew itaffi din il-problema biex wara ftit kien mar on record jammetti formalment li l-proposta tieghu stess tal- Budget 2009 kienet ġiet saħansitra abbandunata.
Għall-kuntrarju dan il-Gvern se jisma’, jiżen il-fehmiet kollha, jippjana u jwettaq bil-galbu.
Il-Ministru Brincat qal li l-Gvern huwa kommess li mhux biss isaħħaħ ir-riċiklaġġ tal-iskart fil-pajjiż iżda wkoll li jnaqqas il-volum tal-iskart iġġenerat ħalli b’hekk l-immaniġġjar tal-iskart ikun qed jiġi ndirizzat fl-aktar mod proattiv. Il-Gvern huwa daqstant ieħor impenjat li jindirizza bl-aktar mod effettiv l-iskart perikoluż.
Il-ħidma tal-WasteServ f’din id-direzzjoni turi li din il-kumpanija strateġika qed tmexxi bl-eżempju anki f’dawn l-oqsma vitali.
Stqarrijiet Oħra:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en