FTEHIM BEJN L-AWTORITÀ MALTIJA GĦAT-TURIŻMU U DIN L-ART ĦELWA GĦAR-RESTAWR TAL-ISTATWA TA’ SAN PAWL FUQ IL-GŻEJJER TA’ SAN PAWL
“Il-Gżejjer ta’ San Pawl għandhom potenzjal li jigu żviluppati f’attrazzjoni turistika oħra importanti’- Ministru ghat-Turizmu Edward Zammit Lewis
Il-Ministru għat-Turizmu Dr. Edward Zammit Lewis waqt konferenza tal-aħbarijiet, faħħar il-ftehim li ntlaħaq bejn l-Awtorità Maltija għat-Turizmu u Din l-Art Ħelwa biex ikomplu jtejbu l-kultura tagħna u l-prodott turistiku ta’ l-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar.
“L-Awtorità Maltija għat-Turizmu se tkun qed tgħin b’mod finanzjaru lil Din l-Art Ħelwa sabiex tiġi rrestawrata l-istatwa ta’ San Pawl li tinsab fil-gżejjer ta’ San Pawl. Ninsab ċert li din il-kollaborazzjoni mhux ser tieqaf hawn għaliex nemmnu li l-gżejjer għandhom potenzjal li jiġu żviluppati f’attrazzjoni oħra għal min ikun qed iżurna” saħaq il-Ministru Dr. Edward Zammit Lewis.
Il-Ministru għat-Turiżmu Dr. Edward Zammit Lewis kompla billi tenna l-importanza li l-Ministeri l-oħra, jibqgħu jinvestu f’dawn l-inħawi. Kien f’dan l-isfond li l-Ministeru għat-Turizmu waqqaf Kumitat Nazzjonali għaz-Zoni Turistiċi sabiex titjieb l-kordinazzjoni u nassiguraw l-impenn ta’ kulħadd f’dawn iz-zoni. Il-Ministru Dr. Edward Zammit Lewis kompla billi qal li l-prodott turistiku ma jiddependix biss mill-investiment tal-Gvern imma wkoll mil-ħidma u l-isforzi kollettivi tal-operaturi turistiċi, mill-proġetti tal-Kunsilli Lokali u mir-responsabbilità li jieħdu ċittadini fil-ħarsien tal-ambjent u d-dehra ta’ pajjiżna.
Il-Ministru Dr Edward Zammit Lewis rreferra wkoll għax-xoghol ta’ restawr tal-faċċati ta’ Torri Wignacourt kif ukoll restawr tal-‘beachpost’, li kienet tifforma parti minn strutturi kontra l-invażjoni fi żmien it-tieni gwerra dinjija, li se jkun jista’ jibda kif jispiċċa s-sajf.
Il-Ministru semma wkoll l-irwol li għandhom l-NGO’s fi ħdan ix-xenarju kulturali u turistiku f’pajjiżna. “Huma bosta dawk l-organizzazjonijet li anke b’mod volontarju jieħdu sehem attiv fil-ħarsien tal-wirt kulturali tagħna u li jieħdu ħsieb li dawn l-assi tant importanti jkunu jistgħu jiġu mgawdija kemm mill-Maltin, kif ukoll minn dawk li jiġu jżuruna.”
“Nikkonkludi billi ngħid illi l-inħawi ta’ San Pawl il-Baħar għandhom rwol importanti fis-settur turistiku. Kull ħidma li ssir favur dan is-settur hi ħidma favur l-ekonomija nazzjonali. Kull riżultat pożittiv li niksbu f’dan is-settur jgħabbina b’aktar responsabbiltà biex mhux biss inżommu dak li għandna iżda naħdmu biex nibqgħu kompettitivi ħalli nkunu kapaċi ngħelbu l-isfidi li mhux dejjem ikunu preveddibli u nagħmlu dik il-qabza ta’ kwalità tant importanti f’dan is-settur” temm jgħid l-Ministru Dr. Edward Zammit Lewis.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en