INAWGURAZZJONI UFFIĊJALI TAL-WIRJA AGRARJA TAL-BIEDJA U SNAJJA’ F’VILLA RUNDLE GĦAWDEX
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo fetaħ uffiċjalment il-wirja tradizzjonali tal-Biedja u Snajja’ li ta’ kull sena tkun organizzata mis-Soċjetà Agrikolu, Industrijali u Kulturali Għawdxija fil-jiem tal-festa ta’ Santa Marija bejn it-tlettax u l-ħmistax ta’ Awwissu fil-ġonna pubbliċi ta’ Villa Rundle.
Anton Refalo rringrazzja lill-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Proġetti u Żvilupp u dipartimenti oħra għax-xogħol li jagħmlu għall-preparamenti ta’ din il-wirja. Filwaqt li rringrazzja wkoll lil għadd ta’ voluntiera li wkoll jagħtu l-appoġġ u l-għajnuna tagħhom.
F’din il-wirja hemm għadd kbir ta’ esebituri li minn sena għal oħra jesebixxu l-prodotti varji tagħhom; prodotti friski u ġenwini tal-bdiewa u raħħala Għawdxin.
Is-sena d-dieħla, 2015, jiġi mfakkar il-160 sena minn meta is-Soċjetà Agrikola, Industrijali u Kulturali organizzat il-wirja għall-ewwel darba fl-1855 fl-iskola primarja ta’ Triq il-Vajrinġa fir-Rabat, Għawdex.
Il-Ministru Refalo stqarr li din il-wirja hija l-vetrina tal-gżira Għawdxija, għaliex il-bidwi u r-raħħal jesebixxu l-aħjar prodott tagħhom. Is-sena l-oħra ġew esebiti xejn inqas minn 5,065 esebit.
Il-Ministeru għal Għawdex huwa impenjat li jagħti s-sostenn kollu possibli biex din il-wirja tkompli tkun suċċess għax wirja bħal din hija tassew vetrina tal-prodott Għawdxi.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en