IL-JUM DINJI TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ IĊĊELEBRAT PERMEZZ TAL-ISPORT FIL-BAJJA TAL-MELLIEĦA
Il-Bajja tal-Mellieħa, nhar it-Tlieta filgħaxija inbidlet f’ambjent sportiv sabiex jiġi ċċelebrat il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ. Din l-attività, li saret għall-ewwel darba, kienet organizzata bil-kollaborazzjoni bejn is-Segretarjat Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, ż-Żgħażagħ u l-Isport permezz ta’ Aġenzija Żgħażagħ u l-Kumitat Olimpiku Malti. Għalkemm it-tema tan-nazzjonijiet uniti għal din is-sena kienet is-saħħa mentali, dawn iż-żewġ entitajiet ħasbu illi jieħdu t-tema b’għajn differenti. Filfatt involvew l-isport għaliex huwa wieħed mill-għodda sabiex titjieb is-saħħa mentali. Huwa fatt magħruf li waqt l-attività fiżika jinħelsu kemikali fil-moħħ, hekk msejħa endorphins, li jġagħlu lill-bniedem iħossu aħjar filwaqt li jbiegħed id-dipressjoni. Għall-Kumitat Olimpiku Malti din kienet l-ewwel attività ta’ sports for all.
L-attività attirat bosta żgħażagħ li kellhom l-opportunità jduqu sports li jiġu prattikati fuq ir-ramel. Fost l-isport li wieħed seta’ jieħu sehem fih kien hemm il-beach soccer, beach volleyball, beach golf, beach handball, badminton, u netball. Kien hemm wkoll sessjonijiet ta’ Zumba, kif ukoll show tal-Body Building.
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, ż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius żar din l-attività u f’atmosfera anqas riġida minn tas-soltu seta’ jitkellem mhux biss mal-uffiċċjali tal-Kumitat Olimpiku Malti, l-Aġenzija Żgħażagħ u l-EUPA imma speċjalment maż-żgħażagħ li għoġobhom jilqgħu l-istedina u jiċċelebraw il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ flimkien fil-Mellieħa. Preżenti wkoll għall-attività kien hemm David Agius f’isem l-oppożizzjoni.
Stqarrijiet Oħra:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en