Left arrow Go Back

IL-MINISTRU GĦAL GĦAWDEX ANTON REFALO U l-KUMMISSARJU ANTHONY AGIUS DECELIS IVVARAW KAMPANJA KONSULTATTIVA F'GĦAWDEX BIEX TIĠI INDIRIZZATA L-‘EFFIĊJENZA FIL-ĦIDMA TAL-GVERN’

pr141836
Date Icon 13/08/2014

Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo flimkien mal-Kummissarju Anthony Agius Decelis responsabbli mis-simplifikazzjoni amministrattiva u t-tnaqqis tal-burokrazija żaru diversi entitatijiet Għawdxin bħala parti mill-istudju li qed isir dwar il-burokrazija żejda. Il-Gvern huwa impenjat biex jindirizza u jaqta’ l-burokrazija żejda fis-setturi varji u b’hekk tħabbar li se tkun qegħda ssir kampanja konsultattiva ffukata fuq Għawdex. Il-Kummissarju Anthony Agius Decelis fakkar li l-Gvern huwa marbut ma’ wegħda elettorali li jnaqqas il-burokrazija żejda b’ 25%. Anthony Agius Decelis saħaq “biex nagħmlu dan nidejna  kampanja ta’ konsultazzjoni ma’ stakeholders ewlenin għaliex aħna nemmnu f’bottom up approach fejn kulħadd ikollu lok li jipparteċipa u jagħti feedback b’mod dirett dwar liema huma l-affarijiet u s-sitwazzjonijiet li qed idejquh.”

Il-Ministru Refalo saħaq dwar l-importanza li din il-problema tiġi indirizzata għaliex il-kwalità ta’ qafas regolatorju Malti huwa wieħed mill-fatturi li jaffetwaw l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta’ pajjiżna. Soċjetajiet u ekonomiji moderni jirrekjedu protezzjoni, kompetizzjoni ġusta u standards aħjar.

Dr Anton Refalo qal li qegħdin naħdmu flimkien biex niffukaw fuq setturi varji bħall-MEPA u l-ippjanar, is-servizzi soċjali, funzjonijiet ta’ dħul tal-gvern, saħħa, qrati u s-settur pubbliku in ġenerali, u saret ħidma bi sħiħ ma’ diversi ministeri biex jissaħħu s-servizzi offruti f’Għawdex stess. Il-Ministru kompla jgħid li “irridu nkomplu naħdmu biex il-ġid li qed joħloq il-Gvern ikun jista’ jilħaq lil Għawdxin daqskemm jilħaq lill-Maltin.” Il-Ministru qal li waqt iż-żjarat ma’ negozjanti Għawdxin u mal-Kamra tal-Kummerċ ġie diskuss kif il-Gvern jista’ jiffaċilita, inaqqas il-proċessi u d-dewmien żejjed f’servizzi li jingħataw minn entitajiet pubbliċi lis-settur privat.

Anthony Agius Decelis żied jgħid li burokrazija żejda hija ħamrija fertili għal korruzzjoni “aħna ma naqblux mal-korruzzjoni, nemmnu li din hija taxxa żejda li jħallas il-poplu u allura iktar ma nkunu effiċjenti u iktar ma jkollna proċeduri sempliċi iktar il-poplu sejjer ikollu flus f’idejh li jista’ jinvesti fi proġetti oħrajn u iktar flus x’jonfoq fil-bżonnijiet tiegħu.” Il-Kummissarju rringrazzja lil Dr Michael Falzon, Dr Michael Farrugia u s-Segretarju Permanenti Prinċipali Mario Cutajar għax-xogħol siewi li sar matul is-sena li għaddiet.

Dr Anton Refalo jemmen li l-burokrazija xxekkel ix-xogħol, tnaffar l-investiment u żżid l-ineffiċjenza f’fażijiet varji tal-iżvilupp tal-pajjiż . Hemm bżonn li l-proċessi jiġu mqassra u li kull negozju biex jopera jkollu bżonn biss permess wieħed inklussiv li jingħata fi żmien stipulat mill-awtoritajiet.

Qegħda ssir ħidma mill-Ministeru għal Għawdex flimkien mal-Kummissarju biex f’Għawdex jinfetaħ one stop shop minn fejn ic-ċittadin jinqeda fih, jingħata gwida u direzzjoni u juża s-servizzi li għandu bżonn. Il-viżjoni u l-wegħda ta’ dan il-Gvern hija li titnaqqas il-burokrazija b’25% sal-aħħar ta’ din il-leġiżlatura.

Anthony Agius Decelis saħaq li Għawdex għal Gvern huwa importanti ħafna  “jekk veru Għawdex ibati minn insularità doppja allura aħna rridu naħdmu iktar ħalli l-ġid li qed joħloq il-Gvern jitqassam b’mod ugwali bejn il-Maltin u l-Għawdxin kollha. Naħdmu ħalli l-ġid jitqassam b’mod ugwali għaliex dan huwa dak li aħna nemmnu fih wara kollox din hija l-ġustizzja soċjali.” Il-Kummissarju rringrazzja lill-Ministru għal Għawdex Dr Anton Refalo li laqa’ l-istedina sabiex żaru flimkien il-Kamra tal-Kummerċ Għawdxija u numru ta’ negozji żgħar sabiex jiġu mħeġġa jkomplu jipparteċipaw fil-konsultazzjoni. Il-Kummissarju ħabbar li lejn l-aħħar ta’ din is-sena se jiġi ppreżentat rapport fejn fih se jiġu identifikati l-proċeduri eżistenti burokratiċi u pproponut pjan ta’ simplifikazzjoni, kif ukoll tħabbar li se ssir Round Table Conference f’Għawdex fl-4 ta’ Settembru.

Bħala Gvern irridu nħarsu ‘l quddiem u naraw li l-entitajiet amministrattivi pubbliċi jiffaċilitaw u mhux ixekklu liċ-ċittadin biex aktar negozjanti jkomplu jinvestu f’pajjiżna stess.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Inawgurata s-sala rinnovata tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli

PR262042

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

More Press Releases Right arrow