IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI DR JUSTYNE CARUANA TILTAQA' MAS-SINDKI GĦAWDXIN
Is-Segretarju Parlamentari Dr Justyne Caruana għamlet laqgħa f'Għawdex għas-Sindki Għawdxin. Waqt din il-laqgħa saret preżentazzjoni tal-ħidma tas-Segretarjat fil-qasam tal-anzjani fejn ukoll saru preżentazzjonijiet mill-esperti Dr Marvin Formosa, Cynthia Formosa u Dr Charles Scerri dwar l-istrateġija tal-anzjanità attiva u dimenzja. Is-Segretarju Parlamentari enfasizzat li f'Għawdex għandna popolazzjoni anzjana bi bżonnijiet kbar u allura s-Segretarjat se jkun qed jaħdem bla heda b'risq l-anzjani Għawdxin. Fakkret kif il-Premju Anzjanità Attiva ġie mniedi Għawdex u se jsir Għawdex biex appuntu nagħtu iktar riljev lill-qasam tal-anzjani f'Għawdex. Tkellmet kif proġetti u inizjattivi li qed isiru f'Malta jridu jsiru f'Għawdex ukoll, fosthom servizz ta' outreach fil-komunità biex nilħqu l-bżonnijiet tal-anzjani li jkunu fid-dar tagħhom u kif ukoll il-bidla taċ-Ċentri għal Matul il-Jum f'learning hubs ta' tagħlim speċjalizzat u ta' livell.
Dr Caruana saħħqet li l-Kunsilli Lokali għandhom rwol kruċjali fejn jidħol tixrid ta' informazzjoni u għalhekk stiednet lis-Sindki sabiex jinfurmaw lill-komunitajiet rispettivi tagħhom dwar is-seminar fuq id-dimenzja u laqgħa ta' informazzjoni dwar id-diżabilità li se jsiru fid-19 u 20 ta' Settembru rispettivament f'Għawdex.
Hija temmet billi rringrazzjat lis-Sindki mhux biss tal-attendenza tagħhom iżda wkoll tal-punti li qajmu għaliex jixhed li għandhom għal qalbhom dan il-qasam u fuq kollox jawgura tajjeb għall-kollaborazzjoni sħiħa b'risq l-anzjani tagħna.
Stqarrijiet Oħra:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en