Left arrow Go Back

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-PRESIDENT

pr141816
Date Icon 10/08/2014

Il-President Marie-Louise Coleiro Preca tniedi l-Ballu tal-President f’Għawdex

Fl-isfond tas-sit storiku tat-tempji tal-Ġgantija, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca nediet l-ewwel ballu tal-President li se jsir f’Għawdex nhar is-Sibt 30 t’Awwissu. “Dan mhux se jkun ballu ġo Għawdex għall-Għawdxin biss iżda se jkun qed jesponi s-sbuħija t’Għawdex”, sostniet il-President Coleiro Preca.

Spjegat kif f’dan il-ballu se tingħata viżibilità lill-gżira Għawdxija u l-patrimonju dinji li jħaddan u b’hekk se nkunu qed naraw l-identità, il-karatteristiċi u t-tradizzjonijiet Għawdxin. Apparti l-aspett ta’ rilassament li se jġib miegħu dan il-ballu, f’dan is-sit ta’ wirt dinji tal-UNESCO, se tingħata lil dawk kollha li se jattendu, esperjenza edukattiva, artistika u storika.

Waqt l-indirizz tagħha, il-President ta’ Malta tenniet il-fatt kif sfortunatament f’dawn l-aħħar snin, l-prevalenza tal-marda tal-kanċer żdiedet u l-Malta Community Chest Fund jibqa’ l-uniku fond nazzjonali li qed jipprovdi fondi għall-kura.

Il-President Coleiro Preca qalet li b’dispjaċir, minħabba restrizzjonijiet ta’ spazju ma kienx possibli li jiġu akkomodati dawk kollha li xtaqu jattendu għall-Ballu tal-Qamar ta’ Awwissu. Sostniet li l-Ballu tal-President f’Għawdex se jkun opportunità biex dawn jattendu u jikkontribwixxu b’risq il-Malta Community Chest Fund.

Waqt it-tnedija tkellem il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo li spjega kif din l-attività qed turi biċ-ċar li din il-Presidenza qed tkun verament Presidenza tal-poplu Malti u Ghawdxi kollu, fejn l-umanità tal-persuna tkun fiċ-ċentru tal-ħidma tagħha. Il-Ministru Refalo sellem lill-voluntiera kollha li jiddedikaw il-ħin tagħhom għall-organizazzjoniet ta’ inizzjattivi marbuta ma’ ġest nobbli.

Tkellem ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Chris Said li faħħar din l-inizjattiva u wiegħed l-appoġġ tal-Oppożizzjoni f'inizjattivi li minnhom igawdi l-poplu Malti u Għawdxi. Chris Said irrimarka wkoll dwar kif attivitajiet bħal dawn, minbarra li jwasslu biex jinġabru fondi li huma tant meħtieġa, jerġgħu jinbtu f'bosta persuni mħabba għall-kultura u tradizzjonijiet Maltin u Għawdxin.

Waqt it-tnedija tkellmet ukoll Daphne Caruana, l-Kuratur tat-Tempji tal-Ġgantija li spjegat kif huwa ta’ unur għal Heritage Malta li t-Tempji tal-Ġgantija li huma sit ta’ wirt storiku dinji ġew magħżula sabiex jospitaw dan l-avveniment. Din l-inizjattiva nobbli organizzata mill-President Coleiro Preca se tkun okkażżjoni unika sabiex titqajjem aktar kuxjenza u apprezzament lejn il-wirt storiku ta’ pajjiżna, b’mod speċjali dak tal-gżira Għawdxija, sostniet Daphne Caruana.

Għal dan il-ballu l-kumpanija Catermax se tkun responsabbli mill-catering filwaqt li x-Xagħra Historical Re-enactment Organisation se tippreżenta re-enactments li jmorru lura għall-era Pre-istorika. Il-Maltin li se jattendu se jkunu jistgħu jitilgħu mingħajr ħlas żejjed fuq l-opra tal-baħar tal-Fernandes li se titlaq miċ-Ċirkewwa lejn Għawdex.

Dawk kollha interessati jistgħu jibdew jibbukkjaw minn għada t-Tnejn mis-sit elettroniku www.mccf.org.mt jew inkella mill-Palazz il-Belt, mill-Palazz ta’ Sant’ Anton jew mill-Uffiċċju tal-Malta Community Chest Fund fi Triq Putirjal, ir-Rabat Għawdex.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Inawgurata s-sala rinnovata tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli

PR262042

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

More Press Releases Right arrow