IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI CHRIS AGIUS JIDDISKUTI MAŻ-ŻGĦAŻAGĦ WAQT LIVE-IN ORGANIZZAT MILL-KNŻ
Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, ż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius ħa sehem f’sessjoni ta’ diskussjoni waqt l-ewwel ġurnata ta’ live-in organizzat mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ għall-parteċipanti tal-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ. Il-live-in huwa fuq tlett ijiem u qed isir f’Villa Psaigon Ħad-Dingli. It-tema prinċipali waqt id-diskussjoni bejn iż-żgħażagħ u s-Segretarju Parlamentari kienet l-Edukazzjoni, l-aktar dwar idejat ġodda fl-edukazzjoni f’pajjiżna fosthom il-banding, l-co-ed u s-suġġetti li wieħed jista’ jagħżel biex jistudja.
Waqt id-diskussjoni s-Segretarju Parlamentari saħaq fuq l-importanza li wieħed jistudja mhux biss suġġetti kurrikulari imma li jinvolvi ruħu f’attivitajiet extra-kurrikulari li jgħinu liż-żgħażagħ itejbu ħiliet li ma ġġibhomx minn fuq il-bank tal-iskola. Huwa kompla jgħid li ż-żgħażagħ għandhom bżonn jinvolvu ruħhom f’attivitajiet ta’ din ix-xorta għaliex huwa permezz ta’ dawn l-attivitajiet li wieħed joħroġ mill-fosdqa u jiffaċċja s-soċjeta’ tagħna.
Dan il-live-in isir ta’ kull sena bħala preparazzjoni għall-attivita’ prinċipali li ssir fit-18 ta’ Settembru. Il-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ isir kull sena u gruppi ta’ żgħażagħ jiddiskutu u jifformaw policies fuq temi partikolari. Din is-sena it-tlett temi magħżula għall-gruppi taż-żgħar huma l-Edukazzjoni, it-Turiżmu u l-Klima.
Stqarrijiet Oħra:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en