STQARRIJA MAĦRUĠA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI GĦAD-DRITTIJIET TA’ PERSUNI B’DIŻABILITÀ U ANZJANITÀ ATTIVA
L-attitudni estremista tal-Oppożizzjoni biex tkun negattiva akkost ta’ kollox qed twassal għal kritika żbaljata u skoretta li ma tagħmel ebda ġieħ lil min jagħmilha, iktar u iktar meta titratta dwar qasam tant sensittiv bħal qasam tad-dizabiltà li m’għandu qatt jispiċċa bħala ballun politiku.
Huwa ta’ tħassib li l-Oppożizzjoni, li suppost isservi ta’ forza kostruttiva f’dan il-pajjiż, lanqas hija konxja li l-Bord tal-Guardianship fil-fatt twaqqaf. Din il-liġi, minkejja li saret minn Gvern Nazzjonalista, qatt ma ħaddimha għaliex ma ħaseb għal ebda struttura għaliha.
Kien Gvern Laburista li identifika uffiċċju, ħatar Reġistratur għall-bord u effettivament ħatar il-Bord bis-sostituti b’kollox. Fil-fatt, ħarġet stqarrija din il-ġimgħa stess wara li saret żjara mis-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana fl-uffiċċju tal-Guardianship.
Id-drittijiet tal-persuni b’diżabbilità jridu jiġu rispettati u attwati mhux fuq il-karta iżda fil-konkret. Kemm ilu fit-tmexxija, is-Segretarjat Parlamentari responsabbli minn dan il-qasam telaq b’ritmu mgħaġġel fuq it-twettiq tal-ewwel proġetti ta’ residenzi fil-kommunità:
· waħda fis-Siġġiewi li għaliha diġa saret applikazzjoni mal-MEPA u ħareġ it-tender għax-xogħlijiet biex tibda tilqa’ l-ewwel residenti sal-aħħar tas-sena;
· residenza oħra f’Għawdex fejn diġa ħarġet l-espressjoni ta’ interess li tagħlaq fl-14 ta’ Awwissu li ġej;
· u dar oħra f’San Ġiljan fejn diġa bdiet il-ħidma inizjali tal-periti.
Biex Malta tkun konformi mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, dan il-Gvern waqqaf ukoll focal point nazzjonali li huwa responsabbli mill-implimentazzjoni reali ta’ din il-konvenzjoni. Tfasslet l-ewwel politika nazzjonali dwar id-diżabilità u dalwaqt se titnieda l-istrateġija dwar id-diżabilità. Tfasslu l-istandards għad-djar residenzjali tal-persuni b’diżabilità li dalwaqt jiġu ppubblikati, issaħħet l-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabbilità u s-servizzi mogħtija mill-Aġenzija Sapport inkluż fil-gżira Għawdxija, u beda x-xogħol fuq il-programm ta’ manutenzjoni estensiva għaċ-ċentri ta’ matul il-jum għall-persuni b’diżabbilità.
L-Oppożizzjoni tibqa’ tinsisti li ddaħħal il-politika partiġjana f’kollox inkluż fil-qasam tal-persuni b’diżabbilità. Dan il-Gvern se jibqa’ ffukat biex, b’maturità, jibni fuq it-tajjeb li sar tul is-snin filwaqt li jimplimenta l-miżuri ġodda li wiegħed fil-manifest elettorali tiegħu favur soċjetà ġusta li fiha kulħadd ikollu l-opportunità li jimxi ‘l quddiem.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en