IL-PRIM MINISTRU JOSEPH MUSCAT F’LAQGĦA PUBBLIKA FL-OKKAŻJONI TAL-10 SNIN FL-UNJONI EWROPEA
Fl-għaxar snin li ġejjin hemm bżonn li l-Unjoni Ewropea tħares ’il quddiem b’mod globali u filwaqt li żżomm id-dixxiplina fiskali, irridu niftħu għall-investiment globali.
Dan qalu l-Prim Ministru Joseph Muscat waqt li kien qed jindirizza laqgħa pubblika organizzata mill-MEUSAC fl-okkażjoni tal-10 snin sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Il-Prim Ministru qal li bil-benefiċċju ta’ għaxar snin esperjenza fl-Unjoni Ewropea, illum nistgħu nħarsu lura u naraw il-problemi li ffaċċjaw l-istituzzjonijiet dak iż-żmien u r-realtajiet li qed naraw illum.
Dr Muscat żied jgħid li għaxar snin ilu konna iżjed iffukati fuq dak li ser indaħħlu u dak li ser noħorġu iżda l-esperjenza qed turina li l-ikbar bidla saret fil-mentalità tal-poplu Malti. Illum inħossuna parti minn xi ħaġa li hija akbar u l-ideat li kellna qabel inbidlu u issa qegħdin f’sitwazzjoni li nħossuna totalment Ewropej u li kapaċi nkunu protagonisti.
Il-Prim Ministru sostna li pajjiżna rnexxielu jkun wieħed mill-iżjed pajjiżi li assorba fondi Ewropej u dan għen biex inkomplu naħdmu u ninvestu. Saħaq li huwa importanti li nibqgħu kreattivi u mhux nagħżlu l-eħfef triq iżda nimmiraw għal toroq iktar diffiċli.
Minkejja l-ħafna punti pożittivi, il-Prim Ministru Joseph Muscat irrimarka li għadna ma żviluppajniex biżżejjed in-network fl-istituzzjonijiet Ewropej u dan mhux għall-fatt li aħna pajjiż żgħir, għax pajjiżi żgħar oħra fi ħdan l-Ewropa rnexxielhom jagħmlu dan. Li wieħed jaqsam l-informazzjoni huwa importanti u dan irridu nitgħallmu nagħmluh aħjar; meta naqsmu l-informazzjoni aħna nsiru iżjed sinjuri, żied jgħid il-Prim Ministru.
Meta mistoqsi jekk għadx jasal żmien fejn nibdew nagħtu iżjed milli nieħdu, il-Prim Ministru wieġeb li meta jasal dak il-mument għandna nħarsu lejh b’mod pożittiv u jkun ifisser li l-ekonomija tagħna għamlet avvanzi kbar. Madanakollu, il-Prim Ministru fakkar li filwaqt li l-flus jibqgħu importanti, li tkun membru fl-Unjoni Ewropea mhix kwistjoni biss ta’ flus iżda ta’ valuri u ta’ ftuħ għal xi ħaġa ikbar.
Fost il-firxa wiesgħa ta’ mistoqsijiet u diskussjonijiet, issemmew ir-relazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti, il-Kompetizzjoni fis-Suq, il-viżjoni Ewropea għall-għaxar snin li ġejjin u l-importanza tal-Mediterran fi ħdan l-Ewropa.
Fir-risposti tiegħu għal dawn il-kummenti u l-mistoqsijiet tan-nies, il-Prim Ministru qal li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ma jistgħux ikunu ’l bogħod minn xulxin. Irid ikun hemm kollaborazzjoni sħiħa u għaqda demokratika li tgħaqqadhom.
Joseph Muscat qal li kulħadd jaqbel mal-kompetizzjoni sakemm din ma tkunx fis-settur tiegħu. Huwa ħeġġeġ biex nieħdu vantaġġ mill-kompetizzjoni u ma nibżgħux minnha. L-importanti huwa li l-kompetizzjoni tkun ġusta u din hija sfida kbira.
Joseph Muscat semma kif kien nuqqas tal-Unjoni Ewropea li ħarset iżjed lejn il-lat ekonomiku milli l-lat soċjali. Malta trid tantiċipa lill-Ewropa f’dan il-qasam, kif fil-fatt sar bis-servizz taċ-childcare centres bla ħlas.
Rigward l-importanza tal-pajjiżi Mediterranji, il-Prim Ministru qal li l-Unjoni Ewropea hija iżjed iffukata fuq il-Lvant u bir-raġun, għax hija dipendenti fuq pajjiż wieħed għall-enerġija. Joseph Muscat sostna li s-soluzzjoni għal din id-dipendenza hija l-Mediterran; hemm suq ġdid li minnu nistgħu nixtru iżjed riżorsi. Joseph Muscat temm jgħid li filwaqt li l-importanza lejn il-Lvant hija ġusta, il-Mediterran ma jistax jintelaq.
Fl-intervent tagħha, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli tkellmet fuq l-importanza tad-djalogu soċjali filwaqt li rreferiet għall-fatt li llum il-ġurnata l-imsieħba soċjali u għaqdiet mhux governattivi qed jieħdu sehem aktar attiv f’dak li jiġri fil-pajjiż.
Hija semmiet kif pajjiżna qed ikun minn ta’ quddiem f’ċerti setturi u qed jattendi f’fora Ewropej fejn mhux biss qed jitkellem b’kunfidenza iżda wkoll qed jipproponi strateġiji.
Fejn jidħlu libertajiet ċivili, il-Ministru Dalli qalet li ħadd ma jagħżel kif jitwieled u għaldaqstant ħadd ma għandu jiġi mċaħħad mid-drittijiet tiegħu.
Dwar il-qasam tal-konsumatur, Dr Dalli qalet li llum il-poplu Malti huwa aktar konxju tad-drittijiet tiegħu li minnu nnifsu jservi ta’ benefiċċju u gwadann għall-ekonomija.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en