STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-INTERN U S-SIGURTÀ NAZZJONALI
Fid-dawl tad-dikjarazzjoni li saret minn persuna ta’ nazzjonalità Pollakka, il-Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali ordna immedjatament testijiet fuq il-priġunieri kif ukoll spezzjonijiet f’għadd ta’ Diviżjonijiet tal-Ħabs. Minn dawn it-testijiet u l-ispezzjonijiet li saru s’issa u għadhom għaddejin ma rriżultatx droga fil-Faċilità. Il-Kummissarju tal-Pulizija ordna lis-sezzjoni tal-Klieb tal-Pulizija tinżel minnufih biex tibda tiftix intensiv f’kull Diviżjoni.
Il-Kummissarju ħa ħsieb ukoll li jibgħat għar-raġel ta’ nazzjonalità Pollakka li għamel din l-alleggazzjoni sabiex jagħti d-dettalji li għamel fil-Qorti biex jekk hemm informazzjoni li jista’ jgħaddi tittieħed azzjoni minnufih.
Dawn it-testijiet isiru b’mod regolari kemm fuq ir-residenti tal-Facilità kif ukoll għall-ewwel darba fuq ordni tal-Ministru Manuel Mallia bdew isiru ukoll fuq l-istaff tal-Facilità. Fl-2013 saru 1125 testijiet tal-urina fuq il-priġunieri , filwaqt li sa issa din is-sena diġà saru ‘il fuq minn erba’ mitt test.
Dan b’differenza ta’ dak li kien issir taħt amministrazzjoni Nazzjonalista fejn rapport intitolat ‘European Monitoring Centre for Drugs and Drug Addiction’ , kien ġibed l-attenzjoni ta’ Gvern Nazzjonalista li mill-2009 ma kinux baqgħu isiru testijiet regolari. Minkejja dan Gvern Nazzjonalista ma kien ħa l-ebda azzjoni tant li sentejn wara kien qala’ ċanfira mill-Imħallef Michael Mallia fil-każ ta’ Bickle meta l-imsemmi Imħallef kien stqarr li l-verdett tal-ġurija ma kienx biss kontra Josette Bickle izda kontra s-sistema kollha fil-Facilità Korretiva li kienet tħalli d-drogi jiċċirkolaw b’daqshekk facilità.
Dan il-Gvern għall-ewwel darba iffirma kuntratt mal-Caritas biex residenti tal-Facilità bi problemi ta’ droga jibdew minnufih programm biex jeliminaw dan il-vizzju u mhux fl-aħħar sentejn qabel joħorgu mill-Facilità kif kien jiġri qabel.
Ġew investiti wkoll sitt iklieb sabiex ixommu d-droga fil-Facilità Korretiva li mistennija jaslu lejn l-aħħar ta’ Settembru. Dan l-investiment kellu jsir wara li l-amministrazzjoni preċedenti ħallliet lill-għaxart iklieb li kien hemm fil-Facilità Korretiva ta’ Kordin isiru pets tal-priġuniera li sahansitra kienu jitimgħuhom huma u jilgħabu magħhom.
L-Oppożizzjoni Nazzjonalista li għandha track record orrend fil-qasam tal-ġlieda kontra d-droga fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qed jiggranfa ma’ dikjarazzjoni ta’ persuna ta’ nazzjonalità Pollakka fil-Qorti biex ikun negattiv u distruttiv, flok jagħmel kritika kostruttiva.
Il-Ministru Manuel Mallia jibqa’ kommess li jelimina darba għal dejjem il-problema tad-droga fil-Facilità Korretiva ta’ Kordin. Dan qed isir bil-fatti u mhux bil-kliem fuq żewġ binarji. L-ewwel nett billi qed isiru testijiet regolari u spezzjonijiet ukoll fid-diviżjonijiet tal-Facilità u t-tieni billi qed jinħoloq programm ta’ studju, taħriġ u xogħol għar-residenti tal-Facilità, biex dawn isibu mod biex iqattgħu il-ħin tagħhom b’mod kostruttiv u li jagħmel ġid anke għall-futur tagħhom filwaqt li jaljenahom minn vizzji koroh.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en