IL-MINISTRU HELENA DALLI TNIEDI L-OUTSTANDING YOUNG PERSONS AWARD ORGANIZZAT MILL-JCI MALTA
Se jkun qed jingħata wkoll premju speċjali mmirat għall-NGOs bil-għan li dawn ikunu rikonoxxuti għall-kontribuzzjoni tagħhom fis-soċjetà.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-bini tal-Kamra tal-Kummerċ fil-Belt Valletta, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli nediet l-Outstanding Persons Award imtella’ mill-fergħa Maltija tal-Junior Chamber International.
Il-Ministru Dalli faħħret l-inizjattiva meħuda minn JCI Malta li bħala organizzazzjoni mhux governattiva qed twettaq ħidma fost żgħażagħ u tirrikonoxxi l-impenn tagħhom fl-oqsma partikolari li fihom jagħtu kontribut. Fl-istess ħin, JCI Malta qed tinkoraġġihom biex itejbu u jeċċellaw fil-linja tagħhom billi jipparteċipaw u jesploraw din l-opportunità.
Dr Dalli semmiet kif fil-passat, JCI Malta irrikonoxxiet bosta persuni għall-impenn tagħhom, ewlenin fosthom il-Prim Ministru Dr Joseph Muscat, l-Inġinier Marco Cremona, Englebert Grech u Sylvana Brannon.
Il-Ministru Dalli spjegat kif il-fatt li r-rebbieħ/a se jkun qed jipparteċipa fuq livell internazzjonali fil-JCI Ten Outstanding Young Persons Award fl-2015 se sservi t’opportunità akbar għal pajjiżna li jesponi t-talenti taż-żgħażagħ tagħna, fl-istess ħin li jirrappreżenta lil Malta ma’ pajjiżi oħra.
Il-President ta’ JCI Malta Gordon Borg semma kif din il-kompetizzjoni hija miftuħa għal dawk kollha li għandhom bejn 18 u 40 sena, fejn kulħadd jista’ jinnomina persuna li jħoss li tipprometti fil-ħidma tagħha.
Fost il-kategoriji differenti f’din il-kompetizzjoni hemm dik tas-suċċess fil-kummerċ u l-imprenditorija, fil-politika u l-qasam legali, suċċess fil-qasam tad-drittijiet umani, dak mediku, suċċess umanitarju u dak xjentifiku/teknoloġiku.
JCI Malta se tkun qed tagħti wkoll premju mmirat għall-NGOs bil-għan li tħajjar NGOs f’pajjiżna jersqu ’l quddiem biex ikunu rikonoxxuti għall-kontribuzzjoni valida tagħhom fis-soċjetà permezz tal-ħidma li jwettqu.
Aktar dettalji jistgħu jinkisbu mis-sit elettroniku www.jci.org.mt
Stqarrijiet Oħra:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en