Left arrow Go Back

L-AWTORITÀ DWAR IL-MEDIĊINI TESPANDI S-SERVIZZI TAGĦHA BARRA MINN MALTA BI SPEZZJONIJIET F’ŻEWĠ KUMPANIJI FARMAĊEWTIĊI FL-INDJA

pr141788
Date Icon 06/08/2014

Spezzjonijiet bħal dawn jassiguraw li l-prodotti li jiġu impurtati minn pajjiżi terzi jkunu skont l-istandards mitluba filwaqt li jserrħu ras il-konsumaturi li huma ta’ kwalità tajba – Ministru Helena Dalli

Għall-ewwel darba, żewġ kumpaniji minn barra l-Unjoni Ewropea li jipproduċu prodotti farmaċewtiċi ġew rikonoxxuti b’ċertifikat ta’ good manufacturing practice mill-Awtorità dwar il-Mediċini ta’ Malta wara spezzjonijiet li saru fl-impjanti tagħhom fl-Indja.

L-ewwel kumpanija hija Actavis Pharma Development Centre Private Limited li hija anke rrappreżentata f’pajjiżna fejn tforni faċilitajiet ta’ produzzjoni tal-ogħla livell kif ukoll prodotti farmaċewtiċi ġeneriċi li jinbiegħu f’pajjiżna.

It-tieni kumpanija hija S Kant Healthcare Limited mill-Indja li timpjega 191 persuna u tipproduċi mal-40 prodott farmaċewtiku differenti.

F’indirizz li għamlet, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli faħħret l-inizjattiva tal-Awtorità dwar il-Mediċini li qed iżżid is-servizzi farmaċewtiċi lejn pajjiżi li mhumiex parti mis-suq Ewropew.

Spjegat kif dawn l-ispezzjonijiet isiru wkoll minn awtoritajiet oħra kompetenti fl-Unjoni Ewropea, fejn jikkonfermaw li l-manifattur ikun qed jimxi mal-istandards stabbiliti mill-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru Dalli emfasizzat li spezzjonijiet bħal dawn jassiguraw li l-prodotti impurtati minn pajjiżi terzi jkunu saru skont l-istandards mitluba, filwaqt li jserrħu ras il-konsumatur li huma ta’ kwalità tajba.

“Iż-żieda ta’ siti ta’ manifattura klassifikati bħala EU Good Manufacturing Practice tassigura wkoll aktar disponibilità ta’ mediċini fuq is-suq, li minnha nnifisha tfisser aktar kompetizzjoni u possibilità ta’ roħs fil-prezzijiet” qalet Dr. Dalli.

Hija fissret kif il-Gvern se jkompli jagħti l-appoġġ lill-Awtorità dwar il-Mediċini f’inizjattivi bħal dawn sabiex din issir waħda sostenibbli u tipprovdi servizz aħjar lill-konsumaturi.

Iċ-Chairman tal-Awtorità il-Professur Anthony Serracino Inglott spjega kif din kienet l-ewwel darba li l-Awtorità dwar il-Medicini kienet qed twessa’ l-operat tagħha barra minn Malta.

Qal li spezzjonijiet ta’ dan it-tip jirrikjedu preparazzjoni fejn ikun hemm koperazzjoni reċiproka bejn id-Direttorat tal-Ispezzjonijiet fi ħdan l-Awtorità u l-kumpaniji involuti.

Ir-rappreżentant tal-kumpanija S Kant Healthcare Limited Samir Shah spjega kif il-kumpanija ilha topera għal dawn l-aħħar tnejn u tmenin sena tipprovdi mediċini ta’ kwalità bi prezzijiet raġonevoli.

Filwaqt li rringrazzja lill-awtoritajiet Maltin għal dan ir-rikonoxximent, semma’ kif  hija x-xewqa tal-kumpanija li tkompli tkabbar ir-relazzjoni li bdiet ma’ pajjiżna fost l-oħrajn bil-ftuħ ta’ uffiċċju ta’ rappreżentanza f’Malta u possibilment anke bil-ftuħ ta’ faċilità ta’ manifattura fis-snin li ġejjin.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Inawgurata s-sala rinnovata tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli

PR262042

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

More Press Releases Right arrow