L-AKBAR ŻIEDA FL-IMPJIEGI MIN-NOFS IS-SNIN DISGĦIN ’L HAWN
Ċifri tal-uffiċċju nazzjonali tal-istatistika ppubblikati llum juru li f’Marzu 2014, ġie rreġistrat tkabbir ta’ 3.6% fin-numru ta’ impjiegi full-time. Din hija l-ogħla rata ta’ tkabbir annwali li qatt ġiet irreġistrata f’pajjiżna min-nofs is-snin disgħin ’l hawn.
F’Marzu 2014, in-numru ta’ impjiegi full-time laħaq il-160,838. Dan ifisser żieda ta’ 5,500 impjieg mill-bidu ta’ din l-amministrazzjoni, jew tkabbir ta’ 14-il impjieg full-time kuljum. B’kuntrast, matul it-tmexxija tal-Gvern preċedenti, it-tkabbir fl-impjiegi full-time kien ta’ 6 impjiegi kuljum. Għalhekk, fi 13-il xahar taħt din l-amministrazzjoni, pajjiżna diġà ra żieda fl-impjiegi full-time li hija aktar minn nofs ta’ dik irreġistrata matul is-sittin xahar tal-amministrazzjoni ta’ qabel.
L-impjiegi full-time mal-industrija żdiedu b’0.5% filwaqt li l-ħaddiema part-time f’dan is-settur żdiedu bi 3%. Dan wara li fil-ħames snin tal-amministrazzjoni preċedenti kien hemm tnaqqis ta’ aktar minn 1,500 ħaddiem full-time, kważi ħaddiem anqas kuljum.
L-istess fis-settur tal-kostruzzjoni, fejn matul din l-amministrazzjoni ġiet irreġistrata żieda ta’ 0.9% fin-numru ta’ ħaddiema jaħdmu mal-privat. Taħt l-amministrazzjoni preċedenti, f’dan is-settur, kien hemm tnaqqis ta’ 850 ħaddiem, jew kważi ħaddiem anqas kull jumejn.
Fl-industrija tal-lukandi u ristoranti, fil-ħames snin tal-Gvern preċedenti, kien hemm tnaqqis ta’ 0.5% fl-impjiegi full-time. Fl-ewwel 13-il xahar ta’ Gvern ġdid, l-impjiegi żdiedu bi 2%. Dan b’konferma mal-qagħda feliċi ta’ dan is-settur li xahar wara xahar qed jirrapporta rekords ġodda.
Fejn jidħlu s-servizzi professjonali, amministrattivi u ta’ konsulenza, pajjiżna ra żieda ta’ kważi 1,800 impjieg matul din l-amministrazzjoni, jew aktar minn 4 impjiegi ġodda kuljum. Is-settur tal-informatika ra żieda ta’ 7%, is-settur finanzjarju żieda ta’ 4%, r-real estate 13%, mentri fil-bqija tal-industrija tas-servizzi, inkluż l-online gaming, kien hemm żieda ta’ 5%.
Minkejja n-negattiviżmu tal-Oppożizzjoni fuq l-andament fis-settur tal-bejgħ lokali, l-ażjendi tal-wholesale u retail fl-ewwel 13-il xahar ta’ din l-amministrazzjoni żiedu l-impjiegi full-time bi kważi 500, jew 2%, u l-impjiegi part-time bi kważi 475, jew 5%. Dan ifisser li kull ġurnata taħt din l-amministrazzjoni żdied aktar minn impjieg full-time u ieħor part-time fis-settur tal-bejgħ.
Jekk hemm settur fejn l-aktar inħasset il-bidla pożittiva, dan huwa deċiżament il-qasam tal-impjiegi f’Għawdex. Matul l-ewwel 13-il xahar ta’ din l-amministrazzjoni kien hemm żieda ta’ 624 impjieg, jew 7%, fl-impjiegi full-time f’din il-gżira. Kien hemm ukoll żieda ta’ 176 xogħol part-time. Fi 13-il-xahar f’Għawdex kien hemm żieda fl-impjiegi darba u nofs aktar milli kien hemm f’ħames snin sħaħ tal-Gvern preċedenti.
L-akbar żieda fl-impjiegi min-nofs is-snin disgħin ’l hawn tingħaqad mal-istatistika li kkonfermat li pajjiżna għandu l-inqas rata ta' qgħad fl-aħħar ħmistax-il sena. Dawn ir-riżultati huma konferma li l-ekonomija Maltija qed tikber b’rata mgħaġġla ħafna.
Stqarrijiet Oħra:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en