LAQGĦA TA’ KONSULTAZZJONI PUBBLIKA DWAR IL-BREASTFEEDING POLICY
Din il-ġimgħa Malta, flimkien ma’ 175 pajjiż madwar id-dinja, qegħda tiċċelebra l-ġimgħa ddedikata lill-ħalib tal-omm. It-tema internazzjonali magħżula kienet Breastfeeding – a winning goal for life. Din is-sena, din iċ-ċelebrazzjoni fiha aktar sinjifikat għal Malta minħabba li bħalissa d-Dipartiment tas-Saħħa qiegħed għaddej bil-proċess ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni ma’ diversi entitajiet wara t-tnedija tal-politika favur it-treddigħ tat-trabi li saret matul ix-xahar ta’ Ġunju.
Is-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li bħala parti minn dan il-proċess ta’ konsultazzjoni, qiegħed jistieden lill-pubbliku għal-laqgħa ta’ konsultazzjoni miegħu li se tkun qed issir nhar il-Ġimgħa 29 t’Awwissu, fid-9.30am fil-Hotel Phoenicia. Chris Fearne enfasizza l-importanza tal-ħalib tal-omm, kemm għas-saħħa tal-omm kif ukoll tat-tarbija. Huwa ħeġġeġ lis-soċjetà kollha biex flimkien mal-NGOs, mal-professjonisti, l-ommijiet u l-missirijiet, issir ħidma waħda konġunta biex għall-ewwel darba f’pajjiżna tinbena politika soda bil-għan li tiżdied ir-rata tat-treddigħ tat-trabi f’pajjiżna li s’issa għadha waħda mill-aktar baxxi fl-Ewropa.
Dawk kollha li jixtiequ jattendu għal din il-laqgħa jistgħu jibagħtu email fuq: health.pro@gov.mt jew iċemplu fuq 2326 6000.
Il-messaġġ tas-Segretarju Parlamentari għas-Saħħa f’din il-ġimgħa ddedikata lill-ħalib tal-omm jista’ jinstab fuq is-sit: https://www.youtube.com/watch?v=Ce3S1LMAa9s
Stqarrijiet Oħra:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en