Left arrow Mur Lura

IL-PRESIDENT TA’ MALTA TATTENDI GĦALL-KOMMEMORAZZJONI LI FAKKRET IL-100 ANNIVERSARJU MILL-BIDU TAL-EWWEL GWERRA DINJIJA

pr141775
Date Icon 05/08/2014

Fil-Belġju l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca u s-Sur Edgar Preca attendew għall-kommemorazzjoni li fakkret il-mitt anniversarju mill-bidu tal-Ewwel Gwerra Dinjija. Iċ-ċerimonja saret fl-Allies Memorial ta’ Cointe fil-belt ta’ Liege, fejn mitt sena ilu faqqgħet l-Ewwel Gwerra Dinjija li ħalliet madwar 16-il miljun persuna mejta.

Fost il-kapijiet ta’ stati oħra li attendew kien hemm ir-Re Philippe tal-Belġju, il-President tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja Joachim Gauck u l-President ta’ Franza Francois Hollande. Id-dinjitarji, fosthom il-President ta’ Malta, esprimew il-ħtieġa li madwar id-dinja jsaltan il-paċi u spjegaw kif l-Ewropa ma tistax ma ssemmax leħinha quddiem l-instabbiltà u l-kunflitt fl-Ukrajna u fl-Lvant Nofsani, b’mod partikolari dak li qed jiġri fil-medda ta’ Gaża.

Iċ-ċerimonja f’Liege intemmet meta tifla għolliet bużżieqa bajda, simbolu tal-paċi, flimkien ma’ bżieżaq oħra bil-kuluri tal-pajjiżi li kienu rappreżentati f’din iċ-ċerimonja fosthom il-kuluri tal-bandiera Maltija, bajda u ħamra.

Sadanittant it-Tnejn filgħaxija flimkien mal-Ambaxxatur Malti għall-Belġju Ray Azzopardi, il-President Coleiro Preca u s-Sur Preca żaru Dar Malta fi Brussell fejn iltaqgħu mal-komunità Maltija fil-Belġju.

Fl-okkażjoni tal-mitt sena mill-Ewwel Gwerra Dinjija, il-Bank Ċentrali ta’ Malta stampa l-ewwel muniti tal-ħames Ewro u għaxar Ewro. Il-muniti huma disinn tal-artist Malti Noel Galea Bason.

Id-disinn fuq iż-żewġ muniti huwa l-istess, l-infermiera Maltija ddewwi suldat ferut fl-Ewwel Gwerra Dinjija. Jidher ukoll suldat tal-Ewwel Gwerra Dinjija li qed isellem, bil-bajjunetta tiegħu tħares ’l isfel lejn l-art, kif ukoll il-peprina li hija l-fjura li tfakkar il-vittmi tal-gwerra.

Aktar kmieni din is-sena l-Ambaxxatur Ray Azzopardi żar iz-Zekka Rjali tal-Belġju (Monnaie Royale De Belgique) sabiex fil-preżenza tal-Ministru tal-Finanzi tal-Belġju Koen Geens flimkien mal-Kummissarju Ad Interim taz-Zekka Rjali Belġjana Bernard Gillard assissta għall-istampar ta’ dawn l-ewwel muniti.

L-Ambaxxatur Ray Azzopardi f’isem il-Gvernatur u l-Bord tad-diretturi tal-Bank Ċentrali ta’ Malta u f’isem Malta, radd ħajr liċ-Chairman, il-Bord tad-Diretturi u l-ħaddiema ta' Monnaie Royale De Belgique u fisser l-irwol umanitarju importanti li kellha Malta fl-Ewwel Gwerra Dinjija, meta serviet bħala sptar tal-Mediterran.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Inawgurata s-sala rinnovata tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli

PR262042

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

Aktar Stqarrijiet Right arrow