IL-MINISTRU GĦAL GĦAWDEX DR ANTON REFALO JILTAQA’ MAL-ISTUDENTI LI F’OTTUBU LI ĠEJ SE JIBDEW L-ISTUDJI TAGĦHOM F’MALTA
Il-Ministru għal Għawdex Dr Anton Refalo għal darb’ oħra ltaqa’ mal-istudenti Għawdxin, li se jkomplu l-istudji tagħhom fl-MCAST, ITS u l-Università ta’ Malta. Dr Anton Refalo qal li l-edukazzjoni hija parti essenzjali fl-iżvilupp edukattiv u soċjali tal-persuna u għalhekk dawn is-snin tal-edukazzjoni għandhom jittieħdu bis-serjetà. Il-karrieri varji u l-korsijiet li se jkunu qegħdin jattendu għalihom dawn l-istudenti huma essenzjali għall-iżvilupp soċjali u ekonomiku ta’ pajjiżna. Il-Ministru għal Għawdex sostna li hu jifhem il-problemi tal-istudenti Għawdxin li jħallu l-familja u jmorru jgħixu Malta għall-perjodu sostanzjali ta’ żmien.
Il-Ministru għal Għawdex awgura kull suċċess lil dawn l-istudenti li ‘l quddiem se jkunu l-professjonisti u l-ħaddiema li jikkontribwixxu għall-iżvilup ta’ pajjiżna. Il-Ministru saħaq li għal dan il-għan irridu mil-lum niggwidaw lil dawn l-istudenti biex jagħżlu karriera u professjoni li verament tiggarantixxi li l-istudenti jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Dr Anton Refalo qal li fil-qasam edukattiv irridu dejjem inħarsu ‘l quddiem. Il-Gvern huwa impenjat li jkompli jinvesti bis-sħiħ biex l-istudenti flimkien mal-għalliema jkollhom l-aħjar metodi possibli biex jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom. Il-Ministeru għal Għawdex qed jaħdem f’dan ir-rigward biex l-istudent Għawdxi jibbenefika u jkun aġevolat ħalli jiġi massimiżat il-potenzjal uman ta’ kull persuna. Il-Gvern huwa impenjat bi sħiħ biex tkompli tissaħaħ is-sistema tal-istipendji u għajnuniet addizjonali għall-istudenti Għawdxin, kif ukoll l-aċċessibiltà u t-trasport bejn iż-żewġ gżejjer u miċ-Ċirkewwa għall-Imsida.
Il-Ministru għal Għawdex enfasizza lill-istudenti biex jgħożżu ż-żmien li fih ikunu qegħdin jistudjaw u jibnu relazzjonijiet ġodda mas-soċjetà. Dr Anton Refalo stqarr ukoll li f’Għawdex se titkompla l-ħidma sfieqa biex inkomplu niffaċilitaw l-proċess tal-studju tal-Għawdxin f’Malta.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en