IL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU DR EDWARD ZAMMIT LEWIS JATTENDI GĦALL-EWWEL LAQGĦA MILL-ĦATRA TAL-BORD IL-ĠDID TAL-ISTITUT TAL-ISTUDJI TURISTIĊI
“Bord b’kompetenzi varji li lest jilqa’ l-isfidi li għandu quddiemu l-ITS”
Waqt l-ewwel laqgħa mill-ħatra tal-Bord il-ġdid tal-Istitut tal-Istudji Turistiċi (ITS), il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis sostna li l-membri kollha maħtura fil-Bord għandhom kompetenza kbira li se twassal għal reviżjoni fl-istrutturi interni f’dan l-Istitut.
Fattur ewlieni għall-ġid tal-Istitut tal-Istudji Turistiċi huwa li jkun hemm sinerġija u direzzjoni bl-aktar mod wiesa’. Għalhekk il-membri tal-Bord ġejjin minn oqsma differenti marbuta mas-settur turistiku. Il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis semma li Matthew Pace ċ-Chairman tal-MHRA huwa wieħed mill-membri u bis-sehem tiegħu se nkunu qed naraw pont bejn l-akkademja u l-industrija fejn dawn it-tnejn se jkunu qed jaħdmu aktar id f’id. Ta’ min jinnota li uħud mill-membri tal-istess Bord imexxu intrapriżi privati fis-settur tat-turiżmu u li dan jorbot kollox flimkien.
Il-Ministru għat-Turiżmu Dr Edward Zammit Lewis tenna li f’din l-ewwel laqgħa ta’ dan il-Bord tkellmu dwar punti sabiex l-Istitut tal-Istudji Turistiċi iħares ‘il quddiem b’mod pożittiv. Il-Ministru għat-Turiżmu semma li skont ċifri li għandu, 10% tal-istudenti fi ħdan l-ITS huma barranin u għalhekk iħoss li dan l-ammont għandu jiżdied biex nisfruttaw l-Istitut u jkun aktar rilevanti. Il-Ministru għat-Turiżmu qed iżomm mal-impenn tiegħu tal-wegħda elettorali dwar l-investiment tal-ITS; sabiex l-ITS jespandi l-operat għal wieħed aktar internazzjonali b’potenzjal li jkun wieħed mill-aqwa fir-reġjun.
Il-korsijiet fi ħdan l-ITS għandhom ikunu aktar flessibli biex b’hekk l-industrija tkun tista’ tikkontribwixxi b’mod aħjar. Dan huwa punt ta’ tluq biex inwessgħu oriżżonti ġodda fejn irridu naħdmu bla waqfien u b’hekk l-ITS ikun aktar rilevanti, kompla jgħid il-Ministru għat-Turiżmu.
Dr Edward Zammit Lewis temm jgħid li huwa kunfidenti li dan il-Bord il-ġdid tal-ITS ser jagħti direzzjoni ċara lil dan l-Istitut li hu jarah bħala parti integrali mis-settur turistiku f’pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en