F’OTTUBRU LI ĠEJ MALTA TILQA’ KOMPETIZZJONI TAD-DRIFTING INTERNAZZJONALI
L-isport lokali irid jieqaf jiddependi totalment mill-finanzi tal-Gvern u b'xi mod jaħdem mal-privat għax hekk biss il-maġġor parti tal-isport f'pajjiżna jieqaf ikun amatorjali u jsir professjonali. Dan qalu llum s-Segretarju Parlamemtari għar-Riċerka, l-Innovazzjoni, ż-Żgħażagħ u l-Isport Chris Agius waqt il-konferenza tal-aħbarijiet li saret biex tingħata informazzjoni dwar ‘King of the Kings’, l-attività tad-drifting li ser tkun organizzata f'pajjiżna. Din ser tkun okkażjoni fl-għeluq l-10 snin mill-bidu tal-King of the Kings.
Is-Segretarju Parlamentari saħaq li l-isport tal-muturi u karozzi diġà għamel unur lil Malta f’diversi kompetizzjonijiet barra il-pajjiż u għalhekk kemm il-gvern u anke l-privat irid jara din bħala opportunità li mhux biss jagħmel reklam għall-entità tiegħu imma wkoll għall-pajjiżna. Huwa kompla jgħid li attivitajiet ta’ din ix-xorta jkomplu jtellgħu isem Malta ’l fuq fil-klassifiċi relatati mat-turiżmu fejn saħaq fuq l-importanza tat-turiżmu sportiv u kemm Malta għandha bżonn li tressaq lejha aktar turisti li jiġu hawn bl-għan li jipprattikaw l-isport.
Kienu Adrian Figallo, f'isem FM Promotions u George Muscat il-President tal-Malta Drifting Association li taw l-informazzjoni dwar din l-attività fejn ser jinġiebu Malta sewwieqa barranin li ħadu sehem f'kompetizzjonijiet Ewropej sabiex jikkompetu kontra xulxin għat-titlu King of Europe. Sewwieq Malti wkoll ser jingħata ċ-ċans sabiex jikkompeti kontra dawn il-ġganti Ewropej fid-drifting. L-attività ser tkun ibbażata fuq tliet ijiem fejn filwaqt li l-Ġimgħa jkun hemm free practice, is-Sibt u l-Ħadd ikun hemm il-kompetizzjoni propja fejn ir-rebbieħ jirbaħ €10,000. Waqt l-attività minbarra l-kompetizzjoni King of the Kings, ser isiru wkoll King of Malta Street Legal Cup u King of Malta Pro Cup.
Il-President tal-Malta Sport Federation Tonio Cini kkwota survey li jgħid li l-isport tad-drifting, anke jekk mhux rikonoxxut mill-FIA, huwa t-tielet l-aktar sport tal-karozzi segwit wara l-Formula 1 u l-World Rally. Dan l-isport, kompla Cini, qed jibgħat messaġġ qawwi li n-nies trid aktar attivitajiet ta’ din ix-xorta. Huwa semma kif dan ikompli jikber u jieħu l-popolarità anke f’Malta jekk kemm-il darba din il-ħolma tat-trakka ġdida ssir realtà.
Waqt il-konferenza tkellem wkoll ic-Chairman tal-Kunsill Malti għall-Isport Luciano Busuttil li qal li l-KMS tifhem u tagħraf l-importanza ta’ dan l-isport u kieku tista’ tixtieq toffri għajnuna finanzjarja ikbar però l-finanzi anke tal-KMS huma dak li huma. Huwa semma l-passjoni li l-Maltin għandhom lejn dan l-isport u l-investiment finanzjarju personali li bosta sewwieqa jagħmlu biex ikunu jistgħu jipprattikawh.
Waqt il-konferenza tkellem wkoll Mike Procureur, li huwa l-Managing Director ta’ King of Europe u Pierre Fenech f’isem Montekristo Estates. L-attività ser issir bejn it-3 u l-5 ta’ Ottubru f’Montekristo Estates u ser tintwera fuq TVM2, minbarra stazzjonijiet barranin. Aktar informazzjoni fuq is-series tinstab fil-paġna http://www.kingofeurope.net, jew fil-paġna ta’ Facebook: http://www.facebook.com/koedrift
Stqarrijiet Oħra:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en