Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU DR EDWARD ZAMMIT LEWIS WAQT IS-SEMINAR KONSULTATTIV GĦAN-NOFSINHAR TA’ MALTA

pr141758
Date Icon 02/08/2014

"Irridu nibdew inħarsu lejn in-Nofsinhar ta’ Malta bħala destinazzjoni turistika distinta u rilevanti f’pajjiżna"

Huwa ta’ pjaċir li qiegħed nindirizza din il-Konferenza li hija ffukata fuq il-potenzjal turistiku fir-reġjun tan-nofsinhar ta’ Malta.

Bla dubju, in-nofsinhar ta’ Malta kien dejjem għal qalb dan il-Gvern, li matul is-snin dejjem wera impenn sħiħ għar-riġenerazzjoni ta’ dawn l-inħawi, fosthom il-Kottonera. Irrid insemmi l-pjan ta’ riġenerazzjoni għall-Kottonera li kien nieda il-Gvern fis-sena 1997. Ittieħdu diversi inizzjattivi oħra matul iż-żmien u nixtieq insemmi b’mod partikolari il-Kumitat Konġunt meta dan il-Gvern kien għadu fl-Oppożizzjoni li kien twaqqaf fis-sena 2004, bl-għan ewlieni li jitkattar it-turiżmu f’dan ir-reġjun, fejn dak iż-żmien kienu anke saru taħdidiet ma’ l-Awtorita tat-Turiżmu.

Fl-ewwel xhur ta’ dan il-Gvern, minnufih bdew xogħolijiet biex jitlestew ix-xogħolijiet fil-Birgu li kienu abbandunati mill-Gvern preċedenti, u minn dak iż-żmien ‘l hawn saru numru ta’ interventi oħra f’diversi nħawi f’dan ir-reġjun.

Fost dawn l-inizjattivi, kien hemm ukoll dak tal-Ministeru għat-Turiżmu li waqqaf Kumitat Nazzjonali għall-immaniġjar taż-żoni turistiċi fost tliet Kumitati oħra reġjonali li jinkludi dak għan-nofsinhar ta’ Malta,  li jkopri Marsaxlokk, Birżebbuġa, Marsaskala u Wied iż-Żurrieq. L-għan ewlieni ta’ dan huwa li jseħħ titjib fl-indafa pubblika,  ġbir ta’ skart, u manteniment ta’ dawn iż-żoni, fost affarijiet oħra. Dan il-Kumitat jiġbor lil kull parti interessata fiż-żona, anke lis-settur privat. Il-Kumitat hu mmexxi mill-Perit Joe Cassar li hu Perit t’esperjenza kbira fuq proġetti fis-settur privat. Minkejja numru ta’ sfidi, diġà saru numru ta’ interventi li wasslu għal titjib f’dan ir-rigward. Irrid ngħid li aktar ‘il quddiem dan il-Kumitat Nazzjonali ser jingħata l-forma ta’ ‘fondazzjoni’.

L-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, taħt il-Ministeru li risponsabbli minnha jiena, għandha sehem ewlieni fir-rigward tal-iżvilupp ta’ dawn l-inħawi. Din tipproduċi materjal u reklamar estensiv biex tippromovi dawn l-inħawi. Matul is-snin l-MTA ħadet diversi inizzjattivi wkoll, inkluż dawk li ħadmu fuq investiment kapitali biex jitjieb il-prodott turistiku  f’ diversi lokalitajiet f’dan ir-reġjun. L-MTA taħdem ukoll mill-viċin ma’ diversi entitajiet biex tilħaq dan il-għan. Bħalissa qed issir analiżi dwar rapport estensiv li ġie ikkummissjonat mill-MTA għal titjib tal-prodott turistiku li jagħmel diversi rakomandazzjonijiet anke għal dawn l-inħawi u li se jkunu diskussi mall-partijiet konċernati. Qiegħed ngħid dan kollu biex nagħmel enfasi fuq il-fatt li diġà jeżistu numru ta’ attivatijiet li jgħinu biex jippromovu dan ir-reġjun li bosta minnhom huma diġà suċċess.

Iżda, naħseb li hu xieraq li qabel ma nitkellmu fuq inizjattivi biex inkattru l-attività turistika f’dan ir-reġjun, irridu nżommu f’moħħna li l-għan ewlieni għandu jkun dak li ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-komunità li tgħix f’dawn l-inħawi, biex l-istess komunità tkun f’ pożizzjoni aħjar li toffri esperjenza aktar tajba lit-turisti li jżuru dawn il-postijiet. Kull titjib, mhux biss dak infrastrutturali imma ħafna oħrajn, għandu wkoll iwassal biex iħajjar aktar investiment f’dawn l-inħawi.

L-ibliet u l-villaġġi f’dan ir-reġjun għandhom importanza ewlenija għal viżitaturi. Bla dubju, il-Kottonera hija waħda fost l-aktar lokalitaijiet storiċi u importanti f’pajjiżna, ma’ dawk oħrajn bħal l-Belt Valletta u l-Furjana, l-Imdina u Rabat, u ċ-Ċittadella fir-Rabat  Għawdex. Infatti skont statistika tal-MTA, 32% tat-turisti li jiġu fi gżiritna jżuru l-Kottenera. Il-fortifikazzjonijiet li jħarsu fuq il-port majestuż tagħna, u l-istorja maritima ta’ din il-lokalità, huma attrazzjonijiet ewlenien għall-viżitaturi kif ukoll elementi importanti ħafna fl-istorja ta’ Malta.

Minbarra dan kollu, in-nofsnhar ta’ Malta, jħaddan fih villaġġi oħra li għandhom valuri intrinsiċi marbuta mal-Kottenera, bħal Marsaskala, Birżebbuġa, u Marsaxlokk fost villaġġi oħra fejn anke għandhom attrazzjonijiet storiċi oħra, bħal Ħaġar Qim, l-Ipoġew, Għar Dalam fost oħrajn.

Dan ir-reġjun huwa kkunsidrat bħala żvantaġjat fejn jirrigwarda akkomodazzjoni turistika, meta wieħed jikkumparah maż-żona bħal dik ta’ tramuntana ta Malta. Dan minħabba l-fatt li l-akbar konċentrazzjoni  ta’ akkommodazzjoni tammonta biss għall kważi 1.5% min dik użata mit-turisti matul is-sena. Xorta waħda, aħna nemmnu li xorta hemm potenzjal qawwi li jista jiġi sfruttatt. Għal dan il-għan il-Gvern diġà nieda u qed kontinwament jaħdem fuq numru ta’ strategiji biex iħajjar aktar investiment f’dawn l-inħawi fosthom l-iżvilupp ta’ akkommodazzjoni turistika.

Lokalitaijiet bħal dawk ta’ Marsaxlokk u Wied iż-Żurrieq huma fost l-aktar magħrufa mat-turisti, u dan  għaliex tradizzjonalment, ilhom jiġu rreklamati għal dawn l-aħħar snin, sa min żmien is-sittinijiet. Dan l-aħħar xhur, l-Ministeru iddiskuta flimkien mal-Kunsilli Lokali ta’ Marsaxlokk u ż-Żurrieq l-possibilità ta’ Tourist Information Offices u attrazzjonijiet turistiċi oħra fil-lokalitajiet rispettivi. Għalhekk illum dawn il-lokalitajiet ġew rikonnoxxuti bħala l-aktar popolari mat-turisti. Statistika riċenti, tikkonferma li Marsaxlokk tattira kważi 45% tat-turisti, isegwi l-Kottonera bi 32%, imbagħad Wied Iż-Żurrieq bi 23%,  Ħaġar Qim bi kważi 19% biss minkejja il-valur storiku tiegħu,  u Marsaskala bi 13%. Dawn il-figuri jindikaw li hemm ħafna lokk fejn jiġi intensifikat  il-promozzjoni u reklamar biex nattiraw aktar viżitaturi lejn dawn il-positjiet.  F'dawn iż-żoni hemm ukoll siti storiċi importanti oħra bħat-tempji ta’ Ħal Tarxien fost oħrajn.

Biex nilħqu dan il-għan irridu wkoll inkomplu ntejbu kull mezz ta’ trasport, mhux biss dak pubbliku, minħabba l-fatt li t-turist illum huwa avventuruż u jfassal l-itinerarju tiegħu kif ukoll lest li jiskopri d-destinazzjoni waħdu. Għaldaqstant il-mezz tat-trasport li turist jagħżel, irid ikun wieħed effiċjenti. Bla dubju dan huwa fattur kruċjali għall-iżvilupp tas-suq turistiku f’din iż-żona u diġà qegħdin naħdmu ħalli dan jitwettaq.

Barra minn hekk, qed isir studju mill-Ministeru għat-Turiżmu flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu sabiex isir żvilup ta’ bajjiet bir-ramel fin-nofsinhar ta’ Malta, li ser jagħti lok għal aktar għażla u distribuzzjoni għal min juża il-bajjiet. Dan imur in linea mal-proġett tal-blue flag biex ukoll ikollna bajjiet ċertifikati f’dan ir-reġjun tal-pajjiż.

Ta’ min isemmi li dawn l-inħawi għandhom numru ta’ għajnuniet u min-naħa l-oħra għandhom diversi nuqqasijiet  li jridu jiġu ndirizzati. Kif diġà tennejt, apparti dawn, il-livell ta’ indafa, ġbir ta’ skart u l-mantiniment aħjar partikolarment fil-promenades jeħtieġ titjib u ko-ordinament fuq l-estetika ta’ dawn il-postijiet. Trid titjieb ukoll b’mod speċjali l-kwalità tal-ambjent urban b’mod in ġenerali.  Hemm bżonn ukoll titjib għall-aċċess aħjar tal-kosta, li jorbot mal-element tal-prodott turistiku li huwa importanti ħafna għas-suċċess tat-turiżmu u huwa servizz mill-aktar imfittex mill-viżitaturi tagħna. Għaldaqstant, huwa importanti li ntejbu kemm l-aċċessibilità u l-kwalità tal-bajjiet, mhux biss dawk tar-ramel, iżda wkoll il-kosta tal-blat f’dawn f istess inħawi. Diġà sar ħafna, iżda fadal ħafna xi jsir.

Irridu nħarsu wkoll lejn faċilitajiet li jistgħu jservu ta’ attrazzjoni matul is-sena kollha mhux biss fis-sajf. Fost dawn hemm il-park nazzjonali ta’ Delimara, il-park nazzjonali ta’ Marsaskala u s-suq ta’ Marsaxlokk. Dawn u oħrajn għandhom lokk għal żvilupp u fl-istess ħin opportunitajiet li għandhom jgħinu biex nirbħu l-problema ta’ l-istaġjonalità li hija problema li għandha kull destinazzjoni turistika Mediterranja.

In-nofsinhar ta’ Malta għandu karatteristiċi distintivi minn dawk ta’ reġjuni Maltin oħra. Fost dawn hemm l-istorja tal-Kavallieri, il-portijiet, numru ta’ siti storiċi uniċi fosthom is-sit tal-Ipoġew li huwa klassifikat bħala wirt dinji, villaġġi rurali u kostali, villaġġ tas-sajd u oħrajn. Dawn flimkien jistgħu joffru esperjenza unika u distinta minn reġjuni oħra. Il-villaġġi ta’ Marsaxlokk u Marsaskala, fost l-inħawi tal-madwar għandhom potenzjal turistiku u jappellaw għal żvilupp ta’ akkomodazzjoni turistika bħal lukandi żgħar b’karatteristiċi tipiċi Maltin. Għal dan il-ghan, hemm pjanijiet biex jiġi mfassal branding speċifiku għal dan ir-reġjun biex jattira aktar turisti f’dawn l-inħawi.

Bħalissa qegħdin naħdmu fuq proġett pilota ta’ branding għat-tramuntana ta’ Malta li għandu karatteristiċi differenti. Dan għandu jiġi mniedi fix-xhur li ġejjin fejn se jiġu mistiedna s-stakeholders kollha  biex jagħtu l-ideat  tagħhom biex jintlaħaq dan il-għan. Huwa ppjanat li wara dan, jinbeda x-xogħol biex isir branding għar reġjun tan-nofsnhar ta’ Malta. Jien nemmen li l-potenzjal turistiku għal dan ir-reġjun għadu ma ġiex sfruttat biżżejjed.

Nagħlaq billi nirringrazzja lill-Kumitat Reġjonali għal din l-inizjattiva, u nirringrazzja wkoll lil dawk kollha li matul iż-żmien urew l-impenn tagħhom favur l-iżvilupp ta’ dan ir-reġjun, fosthom il-Kunsilli Lokali,  għaqdiet volontarji, fost ħafna entitajiet oħrajn. Jien flimkien mal-Ministeru tiegħi se nibqgħu impenjati li naħdmu bi sħiħ biex l-attività turistika  f’dan ir-reġjun tibqa’ titkattar u nkunu nistgħu nħarsu lejn in-nofsinhar ta’ Malta bħala destinazzjoni turistika rilevanti f’pajjiżna. 

Grazzi tal-attenzjoni

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT  Inawgurata s-sala rinnovata tal-Kulleġġ Mikiel Anton Vassalli

PR262042

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  Malta explores international education and digital cooperation following meeting at Parliament

PR262041en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER Malta explores international ed...

Aktar Stqarrijiet Right arrow