DISKORS MILL-MINISTRU GĦAT-TURIŻMU DR EDWARD ZAMMIT LEWIS WAQT IS-SEMINAR KONSULTATTIV GĦAN-NOFSINHAR TA’ MALTA
"Irridu nibdew inħarsu lejn in-Nofsinhar ta’ Malta bħala destinazzjoni turistika distinta u rilevanti f’pajjiżna"
Huwa ta’ pjaċir li qiegħed nindirizza din il-Konferenza li hija ffukata fuq il-potenzjal turistiku fir-reġjun tan-nofsinhar ta’ Malta.
Bla dubju, in-nofsinhar ta’ Malta kien dejjem għal qalb dan il-Gvern, li matul is-snin dejjem wera impenn sħiħ għar-riġenerazzjoni ta’ dawn l-inħawi, fosthom il-Kottonera. Irrid insemmi l-pjan ta’ riġenerazzjoni għall-Kottonera li kien nieda il-Gvern fis-sena 1997. Ittieħdu diversi inizzjattivi oħra matul iż-żmien u nixtieq insemmi b’mod partikolari il-Kumitat Konġunt meta dan il-Gvern kien għadu fl-Oppożizzjoni li kien twaqqaf fis-sena 2004, bl-għan ewlieni li jitkattar it-turiżmu f’dan ir-reġjun, fejn dak iż-żmien kienu anke saru taħdidiet ma’ l-Awtorita tat-Turiżmu.
Fl-ewwel xhur ta’ dan il-Gvern, minnufih bdew xogħolijiet biex jitlestew ix-xogħolijiet fil-Birgu li kienu abbandunati mill-Gvern preċedenti, u minn dak iż-żmien ‘l hawn saru numru ta’ interventi oħra f’diversi nħawi f’dan ir-reġjun.
Fost dawn l-inizjattivi, kien hemm ukoll dak tal-Ministeru għat-Turiżmu li waqqaf Kumitat Nazzjonali għall-immaniġjar taż-żoni turistiċi fost tliet Kumitati oħra reġjonali li jinkludi dak għan-nofsinhar ta’ Malta, li jkopri Marsaxlokk, Birżebbuġa, Marsaskala u Wied iż-Żurrieq. L-għan ewlieni ta’ dan huwa li jseħħ titjib fl-indafa pubblika, ġbir ta’ skart, u manteniment ta’ dawn iż-żoni, fost affarijiet oħra. Dan il-Kumitat jiġbor lil kull parti interessata fiż-żona, anke lis-settur privat. Il-Kumitat hu mmexxi mill-Perit Joe Cassar li hu Perit t’esperjenza kbira fuq proġetti fis-settur privat. Minkejja numru ta’ sfidi, diġà saru numru ta’ interventi li wasslu għal titjib f’dan ir-rigward. Irrid ngħid li aktar ‘il quddiem dan il-Kumitat Nazzjonali ser jingħata l-forma ta’ ‘fondazzjoni’.
L-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, taħt il-Ministeru li risponsabbli minnha jiena, għandha sehem ewlieni fir-rigward tal-iżvilupp ta’ dawn l-inħawi. Din tipproduċi materjal u reklamar estensiv biex tippromovi dawn l-inħawi. Matul is-snin l-MTA ħadet diversi inizzjattivi wkoll, inkluż dawk li ħadmu fuq investiment kapitali biex jitjieb il-prodott turistiku f’ diversi lokalitajiet f’dan ir-reġjun. L-MTA taħdem ukoll mill-viċin ma’ diversi entitajiet biex tilħaq dan il-għan. Bħalissa qed issir analiżi dwar rapport estensiv li ġie ikkummissjonat mill-MTA għal titjib tal-prodott turistiku li jagħmel diversi rakomandazzjonijiet anke għal dawn l-inħawi u li se jkunu diskussi mall-partijiet konċernati. Qiegħed ngħid dan kollu biex nagħmel enfasi fuq il-fatt li diġà jeżistu numru ta’ attivatijiet li jgħinu biex jippromovu dan ir-reġjun li bosta minnhom huma diġà suċċess.
Iżda, naħseb li hu xieraq li qabel ma nitkellmu fuq inizjattivi biex inkattru l-attività turistika f’dan ir-reġjun, irridu nżommu f’moħħna li l-għan ewlieni għandu jkun dak li ntejbu l-kwalità tal-ħajja tal-komunità li tgħix f’dawn l-inħawi, biex l-istess komunità tkun f’ pożizzjoni aħjar li toffri esperjenza aktar tajba lit-turisti li jżuru dawn il-postijiet. Kull titjib, mhux biss dak infrastrutturali imma ħafna oħrajn, għandu wkoll iwassal biex iħajjar aktar investiment f’dawn l-inħawi.
L-ibliet u l-villaġġi f’dan ir-reġjun għandhom importanza ewlenija għal viżitaturi. Bla dubju, il-Kottonera hija waħda fost l-aktar lokalitaijiet storiċi u importanti f’pajjiżna, ma’ dawk oħrajn bħal l-Belt Valletta u l-Furjana, l-Imdina u Rabat, u ċ-Ċittadella fir-Rabat Għawdex. Infatti skont statistika tal-MTA, 32% tat-turisti li jiġu fi gżiritna jżuru l-Kottenera. Il-fortifikazzjonijiet li jħarsu fuq il-port majestuż tagħna, u l-istorja maritima ta’ din il-lokalità, huma attrazzjonijiet ewlenien għall-viżitaturi kif ukoll elementi importanti ħafna fl-istorja ta’ Malta.
Minbarra dan kollu, in-nofsnhar ta’ Malta, jħaddan fih villaġġi oħra li għandhom valuri intrinsiċi marbuta mal-Kottenera, bħal Marsaskala, Birżebbuġa, u Marsaxlokk fost villaġġi oħra fejn anke għandhom attrazzjonijiet storiċi oħra, bħal Ħaġar Qim, l-Ipoġew, Għar Dalam fost oħrajn.
Dan ir-reġjun huwa kkunsidrat bħala żvantaġjat fejn jirrigwarda akkomodazzjoni turistika, meta wieħed jikkumparah maż-żona bħal dik ta’ tramuntana ta Malta. Dan minħabba l-fatt li l-akbar konċentrazzjoni ta’ akkommodazzjoni tammonta biss għall kważi 1.5% min dik użata mit-turisti matul is-sena. Xorta waħda, aħna nemmnu li xorta hemm potenzjal qawwi li jista jiġi sfruttatt. Għal dan il-għan il-Gvern diġà nieda u qed kontinwament jaħdem fuq numru ta’ strategiji biex iħajjar aktar investiment f’dawn l-inħawi fosthom l-iżvilupp ta’ akkommodazzjoni turistika.
Lokalitaijiet bħal dawk ta’ Marsaxlokk u Wied iż-Żurrieq huma fost l-aktar magħrufa mat-turisti, u dan għaliex tradizzjonalment, ilhom jiġu rreklamati għal dawn l-aħħar snin, sa min żmien is-sittinijiet. Dan l-aħħar xhur, l-Ministeru iddiskuta flimkien mal-Kunsilli Lokali ta’ Marsaxlokk u ż-Żurrieq l-possibilità ta’ Tourist Information Offices u attrazzjonijiet turistiċi oħra fil-lokalitajiet rispettivi. Għalhekk illum dawn il-lokalitajiet ġew rikonnoxxuti bħala l-aktar popolari mat-turisti. Statistika riċenti, tikkonferma li Marsaxlokk tattira kważi 45% tat-turisti, isegwi l-Kottonera bi 32%, imbagħad Wied Iż-Żurrieq bi 23%, Ħaġar Qim bi kważi 19% biss minkejja il-valur storiku tiegħu, u Marsaskala bi 13%. Dawn il-figuri jindikaw li hemm ħafna lokk fejn jiġi intensifikat il-promozzjoni u reklamar biex nattiraw aktar viżitaturi lejn dawn il-positjiet. F'dawn iż-żoni hemm ukoll siti storiċi importanti oħra bħat-tempji ta’ Ħal Tarxien fost oħrajn.
Biex nilħqu dan il-għan irridu wkoll inkomplu ntejbu kull mezz ta’ trasport, mhux biss dak pubbliku, minħabba l-fatt li t-turist illum huwa avventuruż u jfassal l-itinerarju tiegħu kif ukoll lest li jiskopri d-destinazzjoni waħdu. Għaldaqstant il-mezz tat-trasport li turist jagħżel, irid ikun wieħed effiċjenti. Bla dubju dan huwa fattur kruċjali għall-iżvilupp tas-suq turistiku f’din iż-żona u diġà qegħdin naħdmu ħalli dan jitwettaq.
Barra minn hekk, qed isir studju mill-Ministeru għat-Turiżmu flimkien mal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu sabiex isir żvilup ta’ bajjiet bir-ramel fin-nofsinhar ta’ Malta, li ser jagħti lok għal aktar għażla u distribuzzjoni għal min juża il-bajjiet. Dan imur in linea mal-proġett tal-blue flag biex ukoll ikollna bajjiet ċertifikati f’dan ir-reġjun tal-pajjiż.
Ta’ min isemmi li dawn l-inħawi għandhom numru ta’ għajnuniet u min-naħa l-oħra għandhom diversi nuqqasijiet li jridu jiġu ndirizzati. Kif diġà tennejt, apparti dawn, il-livell ta’ indafa, ġbir ta’ skart u l-mantiniment aħjar partikolarment fil-promenades jeħtieġ titjib u ko-ordinament fuq l-estetika ta’ dawn il-postijiet. Trid titjieb ukoll b’mod speċjali l-kwalità tal-ambjent urban b’mod in ġenerali. Hemm bżonn ukoll titjib għall-aċċess aħjar tal-kosta, li jorbot mal-element tal-prodott turistiku li huwa importanti ħafna għas-suċċess tat-turiżmu u huwa servizz mill-aktar imfittex mill-viżitaturi tagħna. Għaldaqstant, huwa importanti li ntejbu kemm l-aċċessibilità u l-kwalità tal-bajjiet, mhux biss dawk tar-ramel, iżda wkoll il-kosta tal-blat f’dawn f istess inħawi. Diġà sar ħafna, iżda fadal ħafna xi jsir.
Irridu nħarsu wkoll lejn faċilitajiet li jistgħu jservu ta’ attrazzjoni matul is-sena kollha mhux biss fis-sajf. Fost dawn hemm il-park nazzjonali ta’ Delimara, il-park nazzjonali ta’ Marsaskala u s-suq ta’ Marsaxlokk. Dawn u oħrajn għandhom lokk għal żvilupp u fl-istess ħin opportunitajiet li għandhom jgħinu biex nirbħu l-problema ta’ l-istaġjonalità li hija problema li għandha kull destinazzjoni turistika Mediterranja.
In-nofsinhar ta’ Malta għandu karatteristiċi distintivi minn dawk ta’ reġjuni Maltin oħra. Fost dawn hemm l-istorja tal-Kavallieri, il-portijiet, numru ta’ siti storiċi uniċi fosthom is-sit tal-Ipoġew li huwa klassifikat bħala wirt dinji, villaġġi rurali u kostali, villaġġ tas-sajd u oħrajn. Dawn flimkien jistgħu joffru esperjenza unika u distinta minn reġjuni oħra. Il-villaġġi ta’ Marsaxlokk u Marsaskala, fost l-inħawi tal-madwar għandhom potenzjal turistiku u jappellaw għal żvilupp ta’ akkomodazzjoni turistika bħal lukandi żgħar b’karatteristiċi tipiċi Maltin. Għal dan il-ghan, hemm pjanijiet biex jiġi mfassal branding speċifiku għal dan ir-reġjun biex jattira aktar turisti f’dawn l-inħawi.
Bħalissa qegħdin naħdmu fuq proġett pilota ta’ branding għat-tramuntana ta’ Malta li għandu karatteristiċi differenti. Dan għandu jiġi mniedi fix-xhur li ġejjin fejn se jiġu mistiedna s-stakeholders kollha biex jagħtu l-ideat tagħhom biex jintlaħaq dan il-għan. Huwa ppjanat li wara dan, jinbeda x-xogħol biex isir branding għar reġjun tan-nofsnhar ta’ Malta. Jien nemmen li l-potenzjal turistiku għal dan ir-reġjun għadu ma ġiex sfruttat biżżejjed.
Nagħlaq billi nirringrazzja lill-Kumitat Reġjonali għal din l-inizjattiva, u nirringrazzja wkoll lil dawk kollha li matul iż-żmien urew l-impenn tagħhom favur l-iżvilupp ta’ dan ir-reġjun, fosthom il-Kunsilli Lokali, għaqdiet volontarji, fost ħafna entitajiet oħrajn. Jien flimkien mal-Ministeru tiegħi se nibqgħu impenjati li naħdmu bi sħiħ biex l-attività turistika f’dan ir-reġjun tibqa’ titkattar u nkunu nistgħu nħarsu lejn in-nofsinhar ta’ Malta bħala destinazzjoni turistika rilevanti f’pajjiżna.
Grazzi tal-attenzjoni
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en