IL-GVERN MALTI SE JĠIB MALTA GĦADD TA’ MALTIN MIL-LIBJA
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jinnota bi pjaċir li wara kuntatti li saru bejn il-Ministeru u l-kumpanija Virtu Ferries, numru ta’ Maltin li kienu fi Tripli, il-Libja, se jinġiebu Malta. Il-katamaran mistenni li jasal Malta wara s-sebgħa tal-lejla.
Permezz tal-Ministeru, il-Gvern jixtieq jirringrazzja u juri l-apprezzament tiegħu lill-kumpanija Virtu Ferries, u b’mod partikolari lid-Diretturi, li meta kienu jafu li katamaran tagħhom ġie chartered minn kumpanija internazzjonali biex iġib impjegati tagħha mil-Libja, infurmaw lill-Gvern li jekk kien se jkollhom xi spazju fuq dan il-vjaġġ, xtaqu joffru dan l-ispazju biex jintuża għal xi Maltin li riedu jirritornaw lura pajjiżhom.
Il-kumpanija Virtu Ferries ġentilment offriet dawn il-postijiet fuq il-katamaran bla ħlas.
Ta’ dan, il-Gvern huwa rikonoxxenti u jirringrazzja dan il-ġest altruistiku. Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin għarraf lill-Maltin fi Tripli b’din l-opportunità u ma’ dan il-vjaġġ se jaslu Malta madwar 25 Malti minn Tripli.
Sadanittant kuntatti kontinwi għaddejjin ma’ pajjiżi bħall-Italja, il-Filippini u pajjiżi oħra biex noffru possibilità li Maltin li qegħdin Bengażi wkoll jinstab mezz kif jinġiebu lura pajjiżna.
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin jixtieq jinforma li qiegħed jimmonitorja s-sitwazzjoni l-ħin kollu, u qiegħed iżomm kuntatt mal-Maltin kollha li għandna d-dettalji tagħhom.
Other Press Releases:
PR262042
STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EDUKAZZJONI U L-ISPORT Inawgurata s-sala ri...
PR262041en